Olimpjadi tax-Xitwa - BEIJING 2022
Ftit xhur ‘il bogħod mill-Olimpjadi tax-Xitwa … uġigħ ta’ ras għaċ-Ċina u l-KOI

Għalkemm l-Olimpjadi ta’ Tokjo m’ilhomx ħafna li ġew fi tmiemhom u għad hemm min għadu jitkellem dwarhom, l-attenzjoni diġà ntefgħet kollha kemm hi fuq l-Olimpjadi tax-Xitwa li ser isiru kmieni s-sena d-dieħla.

Beijing 2022, f’mument fejn iċ-Ċina qed titpoġġa taħt skrutinju mill-Punent u qed iqumu ħafna mistoqsijiet dwar kemm id-drittijiet tal-bniedem qed jiġu mħarsa f’dan il-pajjiż.

Għall-atleti, Olimpjadi bħal dawk ta’ Beijing jistgħu jfissru li jikkompetu ġo stadia mill-aqwa, kollox state-of-the-art, biss hemm sitwazzjonijiet oħra li jistgħu jseħħu ‘l bogħod mill-istadia li jistgħu jolqtu l-għajn.

S’issa għad m’hemm xejn deċiż dwar jekk il-pubbliku hux ser jitħalla jidħol isegwi, u jidher ukoll li l-atleti, flimkien mal-kontinġenti tagħhom u l-ġurnalisti, ser jintalbu jżommu l-‘bużżieqa’ kif kellhom jagħmlu fl-Olimpjadi ta’ Tokjo. Minbarra l-limitazzjoni ta’ kemm jistgħu jiċċaqilqu minn post għall-ieħor, jew inkella fil-Villaġġ Olimpiku nnifsu, hemm ċertezza li l-atleti u l-kontinġenti ser ikollhom jagħmlu testijiet regolari tal-Covid-19.

Żgur li ċ-Ċina u l-Kumitat Olimpiku Internazzjonali (KOI) tgħallmu ħafna minn dak li seħħ fil-Ġappun ftit tal-ġimgħat ilu. Għalkemm il-pajjiż kien għaddej minn mewġa ta’ każijiet ta’ Covid-19, għalkemm diversi bliet kienu fi stat t’emerġenza, l-Olimpajdi saru xorta waħda, u fil-Villaġġ Olimpiku ma kienx hemm xi numru ta’ każijiet allarmanti kif kien hemm min spekula qabel beda l-Logħob. B’hekk, iċ-Ċina u l-KOI raw it-tajjeb li għamlu l-Ġappuniżi, u dak li għamlu inqas tajjeb qed jaraw kif ser jirranġawh għall-Olimpjadi tax-Xitwa.

Għall-KOI, il-biċċa uġigħ ta’ ras kbira mhuwiex il-Logħob Olimpiku nnifsu, imma l-aspett ġeo-politiku li qed jagħmel differenza kbira. Fil-Ġappun il-KOI ma kellhiex problemi politiċi, imma issa hemm numru ta’ gruppi favur id-drittijiet tal-bniedem li ilhom jagħmlu numru ta’ mistoqsijiet dwar kif il-Kumitat Olimpiku Internazzjonali aċċetta li l-Olimpjadi tax-Xitwa jsiru fiċ-Ċina. Għalkemm il-Gvern Ċiniż dejjem jisħaq li mhuwa jagħmel xejn ħażin u li qed josserva u jħares id-drittijiet ta’ kull ċittadina, xorta waħda qed isiru protesti f’Hong Kong relatati mad-demokrazija. Xorta waħda għadhom qed jinħarġu rapporti li l-komunità tal-Musulmani Uyghur qed tiġi abbużata sfaċċatament.

Biex tgħaxxaqha, fl-aħħar ġimgħat ġie ffurmata alleanza ġdida Indo-Paċifika. F’din l-alleanza hemm imsieħba l-Istati Uniti, il-Gran Brittanja u l-Awstralja. Permezz ta’ din l-alleanza, l-Istati Uniti u l-Gran Brittanja ser jipprovdu lill-Awstralja b’teknoloġija u kapaċità li jkollhom sotto-marini nukleari. L-għan ta’ din l-alleanza hu li kemm jista’ jkun iżommu liċ-Ċina lura milli tkompli tikber fis-saħħa u fl-influwenza tagħha fil-militar. Fl-aħħar snin kien fatt magħruf li ċ-Ċina qed tagħmel pressjoni kbira fuq it-Taiwan, u l-battibekki fin-nofsinhar tal-Baħar Ċiniż ma waqfux.

F’Awwissu li għadda, il-kap tal-Partit Konservattiv Kanadiż Erin O’Toole qal li l-atleti u ċ-ċittadini Kanadiżi jista’ jkun li ma jkunux 100% siguri waqt l-Olimpjadi tax-Xitwa. Fil-preżent, il-Kanada u ċ-Ċina jinsabu f’battibekk dwar l-arrest ta’ Meng Wanzhou f’Vancouver fl-2018. Wanzhou kien il-Kap Eżekuttiv tal-Huawei. Iċ-Ċina kienet irrispondiet bl-arrest ta’ tliet Kanadiżi: Robert Schellenberg, Michael Spavor u Michael Kovrig.

Fil-preżent, ir-relazzjoni bejn iċ-Ċina u r-Russja tinsab fl-aqwa tagħha, u l-organizzaturi żgur ħadu r-ruħ meta l-Ħamis, il-President Russu Vladimir Putin ikkonferma li ser jattendi għall-Olimpjadi tax-Xitwa. Għalkemm l-atleti Russi ma jistgħux jieħdu sehem taħt il-bandiera ta’ pajjiżhom minħabba sospensjoni mill-WADA, xorta waħda ser jieħdu sehem taħt l-isem tal-Kumitat Olimpiku Russu, kif għamlu fl-Olimpjadi ta’ Tokjo.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA