Futbol internazzjonali
Futbol internazzjonali: Ġimgħa deċiżiva għal Ronaldo, Real Madrid u Juventus

Għal Cristiano Ronaldo, Real Madrid u Juventus, din se tkun ġimgħa deċiżiva.

Il-media Spanjola u Taljana qed tirraporta bi prominenza l-aħbar li l-istilla tal-Portugall jinsab viċin li jissieħeb lil Juventus. Iċ-champions Taljani lesti jħallsu mal-€100,000,000 lil Real Madrid b’kuntratt lill-plejer ta’ €30,000,000 fis-sena għal erba’ snin.

Jekk iseħħ dan it-trasferiment, ikun ifisser li Ronaldo se jkun qed iħalli lil Real Madrid wara disa’ snin filwaqt li f’diversi pajjiżi tal-Ewropa, CR7 fl-Italja qed jitqies bħala l-qawmien mill-ġdid tal-futbol Taljan.

Jidher li Ronaldo diġà ta kelma lil Juventus li se jingħaqad magħhom, tant li l-aħbarijiet fl-aħħar sigħat qed jindikaw li diġà kellu diskussjoni bit-telefon ma’ Massimilliano Allegri, il-kowċ tal-Bianconeri.

Dan kollu kompla jgħolli l-aspettattiva f’Turin tant li kull fejn wieħed iħares madwar il-belt jista’ jara flokkijiet tal-Juventus tal-plejer bin-numru 7 fuqhom.

Real Madrid u l-President Florentino Perez diġà għamluha ċara li m’għandhom l-ebda offerta ġdid x’jagħmlu lill-plejer ħlief dak li diġà qed jieħu.

Jidher li l-aħħar pass li fadal li jseħħ dan it-trasferiment li se jkun qed iċaqlaq id-dinja tal-futbol tat-trasferimenti hu ta’ min se jagħti l-aħbar lill-partitarji tal-klabb Spanjol; jekk hux il-klabb stess jew il-plejer innifsu. Jidher li Real Madrid iridu lill-plejer jagħmilha pubblika hu stess li jixtieq jitlaq minn Spanja u jmur l-Italja biex jispiċċa l-karriera tiegħu hemm.

Jidher li Jorge Mendes, l-aġent tal-plejer, għandu rabtiet speċjali maċ-champions Taljani u huma diversi dawk li qed isostnu li n-negozjati bejn iż-żewġ partijiet bdew waqt it-trasferiment tal-plejer Joao Cancelo, li nzerta għandu lill-istess aġent ta’ Ronaldo.

Isem Cristiano Ronaldo hu talment b’saħħtu li Juventus ma kellhomx jinnegozjaw miegħu biss. Iżda ismu hu meqjus bħala ażjenda sħiħa li se tkun qed issegwih kull fejn imur.

Rapporti mhux konfermati jgħidu li Ronaldo diġà sab dar fejn se jkun qed jgħix Turin, xi ħaġa li kienet diffiċli jsib peress li jeħtieġlu garaxx magħha li jesa’ tal-inqas 22 parkeġġ ta’ karozza, li wisq probabbli jiżdiedu għal 25 peress li qed ikun irrapurtat ukoll li l-familja Agnelli lesta tagħtih bħala rigal tal-familja tliet karozzi oħra; Ferrari, Fiat u Jeep.

Din il-ġimgħa se tkun deċiżiva u jekk Juventus ma jagħlqux dan it-trasferiment ikun ifisser riskju kbir kemm għalihom, għall-partitarji u anki għal ishma finanzjarji tal-klabb.

Klabbs oħra li jistgħu jkunu interessati f’Ronaldo huma Manchester United u Paris St Germain li iżda l-plejer mistenni jħalli dawn iż-żewġ opzjonijiet miftuħa jekk jaqgħa l-ftehim bejnhu, bejn Real Madrid u Juventus.

Cristiano Ronaldo hu meqjus bħala wieħed mill-aqwa plejers li qatt ħarġu mid-dinja tal-futbol. Fi Spanja Ronaldo u Lionell Messi huma meqjusa tal-istess statura ta’ Diego Armando Maradona, Pele, George Best, Johann Cruyff, Ferenc Puskas, Franz Beckenbhaur, Gianni Rivera, Roberto Baggio, Paolo Maldini u Ronaldo Da Lima, li kollha jagħmluha ma’ tal-ewwel fost il-lista tal-aqwa plejers favoriti ta’ kull żmien tal-Ispanjoli.

Miktub minn...
TVM Sport
Aħbarijiet Oħra
Futbol internazzjonali

Kwalifikazzjoni Kampjonat Euro UEFA 2020 European Qualifiers – Grupp F Malta…………….. 2 Gżejjer Faroe……1 Malta bdiet bl-aħjar mod l-impenji tagħha fil-kampjonat Ewropew 2020 meta f’Ta’ Qali f’logħba mill-iktar eċċitanti għeleb…

Futbol internazzjonali

Illum komplew jintlagħbu aktar logħbiet mill-kwalifikazzjoni għall-Euro 2020 meta minn Grupp A f’Wembley Stadium l-Ingilterra bdew bil-kbir l-impenji tagħhom dan wara li huma għelbu lir-Repubblika Ċeka bl-iskor ta’ 5-0.  L-eroj…

Futbol internazzjonali

L-attakkant Brażiljan ta’ Paris St Germain Neymar ġie akkużat mill-UEFA talli insulenta lir-referee wara li t-tim Franċiż safa eliminat mir-round tal-aħħar sittax tal-UEFA Champions League minn Manchester United. Neymar li…

Futbol internazzjonali

Ilbieraħ filgħaxija bdew il-logħbiet tal-gruppi ta’ kwalifikazzjoni għall-EURO 2020, b’diversi riżultati li wħud minnhom kienu mistennija u oħra waslu b’sorpriża. Mistennija r-rebħiet tal-Olanda, il-Kroazja, il-Polonja u l-Belġju, filwaqt li l-Każakstan…

Aktar