Futbol internazzjonali
Futbol Internazzjonali: Min se jkun il-coach il-ġdid tal-Juventus?

Din hija l-mistoqsija li qegħdin jistaqsu ħafna imma li probabbli ħadd għad m’għandu risposta definittiva għaliha. U dan għaliex filwaqt li l-aktar li qed jissemma’ huwa l-manager ta’ Chelsea, Maurizio Sarri, hemm coaches oħra li jistgħu jieħdu f’idejhom lit-tim tal-Vecchia Signora fil-jiem li ġejjin.

Skont it-tmexxija ta’ Juventus, it-tħabbira tal-coach il-ġdid mhijiex kwistjoni ta’ sigħat, imma probabbli jridu jgħaddu ftit jiem mhux ħażin sabiex inkunu nafu min ser ikunu fuq il-bankina Juventina fl-istaġun li ġej. U dan għaliex apparti Maurizio Sarri qiegħed jissemma’ wkoll Mauricio Pochettino, il-manager ta’ Tottenham Hotspur, biż-żewġ managers jinsabu fil-finali tal-Europa League u Champions League rispettivament.

Jidher li Andrea Agnelli diġa’ kellu taħdidiet preliminari ma’ Sarri, imma bħalissa l-manager Taljan jinsab iffukat li jwassal lill-Blues għal rebħa fl-Europa League, u b’hekk ikun temm bl-aħjar mod staġun li forsi ma kienx daqstant sodisfaċenti. Min-naħa l-oħra, jidher li Roman Abramovich ta’ Chelsea ma tantx huwa kuntent b’Sarri fit-tmun, u donnu diġa’ tefa’ għajnejh fuq l-ex midfielder Frank Lampard li bħalissa huwa l-manager tad-Derby County. Skont il-ġurnal Ingliż The Telegraph, Chelsea mhux ser iżommu lill-Juventus milli jitkellmu ma’ Sarri, u mhux ser iżommu lill-manager Taljan ta’ 60 sena milli jitlaq Stamford Bridge biex imur fl-Allianz Stadium f’Turin.

Min-naħa l-oħra, il-ġurnalist sportiv Taljan Federico Gennarelli tar-Radio Sportiva qiegħed isostni li Juventus diġa’ ftehmu kollox ma’ Pep Guardiola u dan ser jitħabbar wara li tintlagħab l-aħħar logħba tal-istaġun.
Guardiola għadu frisk minn tliet unuri li rebaħ ma’ Manchester City fl-Ingilterra, fejn apparti l-kampjonat rebaħ ukoll l-FA Cup u l-Carabao Cup. Huwa fatt magħruf li t-tir ta’ Guardiola dejjem kien li jwassal lis-City li jirbħu ċ-Champions League, tragward li reġa’ fallielu għal staġun ieħor, u li issa ilu ma jirbaħ din il-kompetizzjoni sa mill-2011, meta kien rebaħ l-unur mal-Barcelona. Fi tliet staġuni ma’ Bayern Munich, Guardiola qatt ma rnexxielu jwassal lit-tim Ġermaniż sal-finali taċ-Champions League, filwaqt li ma’ Manchester City mar pass aktar lura għaliex qatt ma wasal aktar mill-kwartifinali. Biss, il-prospett li jmexxi lill-Juventus huwa wieħed eċitanti, u allura ma tkunx sorpriża jekk verament l-Ispanjol jipprova xortih mal-bianconeri bit-tama li magħhom jirbaħ l-aqwa kompetizzjoni Ewropea.
L-aħħar darba li Juventus rebħu ċ-Champions League kien fl-1996, u allura Guardiola jista’ jkun interessat li jieħu lill-Juventus f’idejh, b’mod speċjali wara l-allegazzjonijiet li qegħdin iduru madwar Manchester City dwar il-Financial Fair Play, fejn hemm min qed jgħid lit-tim Ingliż jista’ jkun sospiż mill-kompetizzjoni fl-istaġun li ġej. Biss xorta waħda, wara li rebaħ il-kampjonat, Guardiola kien saħaq li għallinqas irid jibqa’ mat-tim tas-City għal żewġ staġuni oħra u allura jista’ jkun li l-aħbar tal-ġurnalist Gennarelli hija kollha duħħan.
Isem ieħor li qiegħed jissemma’ huwa ta’ José Mourinho. Għalkemm din l-aħbar tista’ tidher remota, prattikament huwa Cristiano Ronaldo stess li forsi qajjem din l-ispekulazzjoni meta qal li jixtieq li jerġa’ jingħaqad ma’ Mourinho sakemm jispiċċa l-karriera tiegħu. U meta l-Portugiż diġa’ għandu 34 sena, ma tantx jista’ jkun li fadallu ċans jingħaqad ma’ Mourinho jekk mhux mat-tim ta’ Juventus.
Żgur hu li bħalissa għaddejjin diversi taħdidiet u l-partitarji Juventini qegħdin jistennew bil-ħerqa biex ikunu jafu min ser ikun qiegħed imexxi lit-tim ta’ qalbhom fl-istaġuni li ġejjin, bit-tama li l-bianconeri mhux biss jirbħu s-Serie A u l-Coppa Italia, imma fl-aħħar jerġgħu anke jirbħu ċ-Champions League.
Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm Kontrattakk.
Aħbarijiet Oħra
Futbol internazzjonali

Tazza tad-Dinja tan-Nisa: illum minn Grupp E l-Olanda rebħu 3-1 kontra l-Kamerun. Fil-41 l-Olandiżi minn fuq b’goal ta’ Vivianne Miedema. Eżatt qabel il-mistrieħ kienet Gabrielle Aboudi Onguene li ġabet id-draw għal Kamerun 1-1. Mal-ftutħ…

Futbol internazzjonali

l-Ekwador kisbu t-tielet post dan hekk kif huma għelbu lill-Italja bl-iskor ta’ 1-0 fit-Tazza tad-Dinja taħt l-20 sena . Wara li sad-disgħin minuta l-iskor baqa dak ta’ mingħajr gowls, il-logħba…

Futbol internazzjonali

Il-Brazil għelbu lill-Bolivia bl-iskor ta’ 3-0 fl-ewwel logħba tagħhom tal-Copa America. Wara taqsima fqira, ħames minuti fit-tieni ħamsa u erbgħin minuta Philippe Coutinho fetaħ l-iskor minn penalty wara li dan…

Futbol internazzjonali

Minn Grupp C l-Italja kisbu rebħa faċli hekk kif huma għelbu lill-Ġamajka bl-iskor ta’ 5-0. Il-gowls tal-Azzurri waslu minn hat trick ta’ Cristiana Girelli fit-12 il-minuta minn penalty, fil-25 minuta…

Aktar