Futbol internazzjonali
Futbol internazzjonali: Napoli jegħlbu lil Fiorentina, Tottenham lil Wolves

Futbol internazzjonali: Diversi partiti li ntlagħbu llum wara nofsinhar mill-kampjonat Taljan, Serie A u mill-Premier League Ingliż.

Napoli jegħlbu lil Fiorentina fi Stadio Artemio Franchi bi skor ta’ 2-0. Tmiem l-ewwel taqsima mingħajr gowls iżda fit-tieni waħda Napoli fetħu l-iskor b’gowl ta’ Insigne fil-56 minuta wara li tefa’ ġewwa mir-rebound ta’ penalty li laqalhu għal mument Terracciano. Napoli rduppjaw u serrħu rashom minn rebħa b’gowl ieħor ta’ Zielinski fis-67 minuta.

Draw ta’ 1-1 bejn Benevento u Crotone b’dawn tal-aħħar iġibu l-gowl tad-draw fl-aħħar sekondi tal-partita. Benevento fil-vantaġġ b’gowl ta’ Lapadula fit-13-il minuta. Crotone bi plejer anqas wara li għalihom tkeċċa Golemic fl-24 minuta. Minkejja dan, Simy ġab il-gowl tad-draw fit-93 minuta.

Sampdoria jegħlbu lil Udinese fil-Friuli bi skor ta’ 1-0. Il-gowl tal-partita wasal lejn l-aħħar minuti tal-konfront permezz ta’ penalty ta’ Quagliarella fit-88 minuta.

Rebħa tajba għal Crystal palace f’Londra hekk kif għelbu lil Aston Villa bi skor ta’ 3-2. Aston Villa fil-vantaġġ b’gowl ta’ Mc Ginn wara 17-il minuta u Benteke ġab id-draw għal Crystal Palace fit-32 minuta. El-Ghazi reġa tefa’ lil Aston Villa fil-vantaġġ fl-34 minuta. Zaha ġab id-draw għal Palace fis-76 minuta u Mitchell skurja l-gowl tar-rebħa fl-84 minuta.

Tottenham Hotspur għelbu f’darhom lil Wolves bi skor ta’ 2-0. Harry kane fetaħ l-iskor għal Tottenham b’gowl fil-45 minuta. Pierre Emile Hoejgberg għamilhom 2-0 fit-62 minuta.

Miktub minn...
TVM Sport