X

Futbol Internazzjonali: Real Madrid mistennija jagħmlu taqliba totali fis-sajf li ġej

Story Published

Real Madrid huma mistennija li jkollhom eżodu ta’ players li jħallu lill-klabb u oħrajn ġodda li jingħaqdu mal-Los Blancos fis-suq tat-trasferimenti li jmiss. Għalkemm Zinedine Zidane reġa’ ħa lit-tim f’idejh ftit tax-xhur wara li kien telaq mill-Bernabeu, id-differenza bejn it-tim li rebaħ tliet Champions League infila u dak li kien din is-sena, kienet evidenti għall-aħħar. It-taqlib fil-klabb Madrilen beda minn meta telqu Zidane u Cristiano Ronaldo. Il-coach il-ġdid Julien Lopetegui ma tantx dam imexxi lit-tim, u wara li ma sabx player denju li jieħu post Ronaldo, spiċċa mkeċċi huwa wkoll u minfloku daħal Santiago Solari li xorta ma bidilx it-triq tan-niżla li kien qabad it-tim.

Jidher li fis-suq tat-trasferimenti li jmiss, Real Madrid ser ikunu b’saħħithom ħafna u Zinedine Zidane se jkollu fondi biżżejjed biex jifforma skwadra li terġa’ tisfida għall-unuri.

Il-ġurnal rinomat Spanjol, Marca, qiegħed jgħid li Real Madrid ser ineħħu madwar 14-il player dan is-sajf.  Keylor Navas, Jesus Vallejo, Theo Hernandez, Sergio Reguilon, Dani Ceballos, Marcos Llorente, Mateo Kovacic, James Rodriguez, Martin Odegaard, Oscar Rodriguez, Gareth Bale, Lucas Vazquez, Brahim Diaz u Mariano Diaz kollha jistgħu jħallu l-Bernabeu f’xi ħin jew ieħor fis-suq tat-trasferimenti li jmiss. Forsi l-aktar sorpriża minn dawn l-ismijiet kollha huwa Keylor Navas u dan għaliex Zidane kien żamm lura milli jiffirma lil Kepa Arrizabalaga sena u nofs ilu minħabba li kellu lill-goalkeeper Kolombjan.

S’issa, kemm Eder Militao u anke Rodrygo diġa’ ħabbru li ser jitilqu lir-Real Madrid, filwaqt li Ferland Mendy, Eden Hazard u Luka Jovic mistennija jkunu parti mil-Los Blancos fl-istaġun li ġej. Bħalissa qegħdin jissemmew ukoll Paul Pogba, Christian Eriksen u Donny van der Beek bħala midfielders li jistgħu jkunu parti mit-tim ta’ Zidane.

Li huwa żgur hu, li fl-istaġun li ġej, Real Madrid ser ikunu ħafna differenti mit-tim li kienu f’dan l-istaġun.