Futbol lokali
Futbol: L-Irlanda ta’ Fuq qawwija wisq għal Malta

PARTITA INTERNAZZJONALI TA’ ĦBIBERIJA

Malta…………………..0

Irlanda ta’ Fuq……3

It-tim nazzjonali Malti mmexxi minn Devis Mangia tilef bl-iskor ta’ 3-0 f’partita ta’ ħbiberija li ntlagħbet fl-Awstrija. Din kienet l-ewwel partita minn tlieta li t-tim Malti qed jilgħab bħala parti mill-kamp ta’ taħriġ li qed isir fil-belt ta’ Klagenfurt.

L-Irlanda ta’ Fuq kellhom bidu qawwi u marru fil-vantaġġ wara żewġ minuti logħob meta kien Jordan Jones li approfitta minn żball difensiv u b’xutt tajjeb għeleb lil Henry Bonello.  

Reazzjoni tal-Maltin mal-kwarta logħob meta xutt ta’ Joseph Mbong għadda kemm kemm barra mil-lasti Irlandiżi. 

Fl-20 minuta, l-Irlanda ta’ Fuq ingħataw penalty meta d-difensur Kurt Shaw deher iwaqqa’ lil Gavin Whyte.  

Mill-11-il metru kien Josh Magennis li ra lill-gowlkiper Malti Henry Bonello jinxteħet fin-naħa leminija tiegħu sabiex iċaħħad lill-Irlandiżi mit-tieni gowl.  

Bl-ewwel taqsima tagħlaq 1-0 favur l-Irlanda ta’ Fuq. 

Fit-tieni taqsima, l-Irlandiżi komplew fejn ħallew u f’temp ta’ żewġ minuti skorjaw darbtejn. 

Fil-fatt fit-53 minuta kien hemm kross mix-xellug bil-ballun jasal għand Gavin Whyte li b’xutt fil-baxx għeleb għat-tieni darba lil Bonello. 

Il-Maltin dehru konfużi u dlonk qalgħu t-tielet wieħed meta Alistair McCann rċieva tajjeb mingħand Mc Nair li minnufih tefa’ l-ballun fix-xibka.  

Malta: Henry Bonello, Ferdinando Apap, Andrei Agius, Kurt Shaw, Joseph Mbong, Bjorn Kristensen, Teddy Teuma, Ryan Camenzuli, Alex Satariano, Shaun Dimech, Luke Montebello. 

Irlanda ta’ Fuq: Bailey Peacock-Farrell, Niall McGinn, Ciaron Brown, Craig Cathcart, Paddy McNair, Gavin Whyte, Alistair McCann, Jordan Thompson, Staurt Dallas, Josh Magennis, Jordan Jones.  

Miktub minn...
robert busuttil
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. JIkkummenta l-logħob tal-Kampjonat Premier. Jippreżenta l-programm 'Wara d-90Minuta' fuq Radju Malta 2'