Futbol lokali
Futbol lokali: Andrew Cohen jirtira minn plejer wara 20 sena karriera

Andrew Cohen, l-assistant coach u plejer ta’ Gżira United, ilbieraħ irtira minn karriera ta’ plejer wara 20 sena.

Cohen beda l-karriera tiegħu ma’ Hibernians u ddebutta mat-tim tal-kbar fl-istaġun 1999/2000.

Cohen twieled fit-13 ta’ Mejju 1981 u għandu 39 sena u huwa l-uniku plejer Malti li rebaħ il-BOV Plejer tas-Sena tal-MFA għal erba’ darbiet fil-karriera tiegħu.

TVMSport għamel kuntatt ma’ Cohen li min-naħa tiegħu qalilna:

“Inħoss li l-logħba moderna ġabitni f’pożizzjoni li nieħu din id-deċiżjoni. Kellhi nieqaf ukoll peress li qed nagħmel il-kors tal-liċenzja A tal-kowċing,” qalilna Cohen.

Fil-karriera tiegħu, Cohen lagħab 406 partita ma’ Hibernians li fihom skurja 127 gowl.

Ma’ Gżira United kien ingħaqad f’Jannar tal-2017 u lagħab 84 partita fejn fihom skurja 22 gowl.

Andrew Cohen kellu karriera twila wkoll fit-tim nazzjonali. Hu libes il-flokk ta’ Malta 68 darba u skurja gowl.

Diversi plejers u nies tal-futbol bagħtu l-awguri lil Cohen fuq il-profil soċjali tiegħu u tagħhom ta’ facebook.

“Nixtieq nirringrazzja lill-familja tiegħi u lill-familja tal-mibki Tony Bennina u lil Sharlon Pace. Ma nistax ninsa anqas lil John Agius u lill-kowċis kollha li kellhi fil-karriera. Grazzi fl-aħħarnett lill-pubbliku sportiv Malti li dejjem appoġġjani tul l-20 sena karriera,” qal Cohen.

Bjorn Kristensen, captain ta’ Hibernians, iddeskrieva lil Cohen bħalha l-aqwa plejer li qatt lagħab miegħu fil-karriera.

Jesmond Abela, Team Manager ta’ Hibernians iddeskrieva lil Cohen bħalha leġġenda unika fil-futbol Malti.

Miktub minn...
TVM Sport