Futbol lokali
Futbol lokali: Hibernians FC jirbħu kwazi €24,000 f’danni fil-każ tal-goalkeeper Jurgen Borg…L-MFPA se tappella

Il-gowlkiper Jurgen Borg, li bħalissa huwa proprjetà ta’ Gzira United FC u f’dan l-istaġun qiegħed b’self ma’ Żebbug Rangers, ġie kkundannat iħallas is-somma ta’ €14,936 u imgħax ta’ 5% lil Hibernians FC mill-Complaints Board tal-Malta Football Association, apparti l-ammont ta’ €9,000 li Hibernians FC kienu diġà rċivew mingħand Senglea Athletic FC.

Dan il-każ hu kkunsidrat bħala l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu f’pajjiżna u li probabilment se jservi ta’ preċedent għal meta plejer jikser il-kuntratt tiegħu ma’ klabb biex imur ma’ klabb ieħor mingħajr ebda raġuni valida.

Il-każ imur lura għall-bidu tal-istaġun 2017/18 meta Jurgen Borg, dak iż-żmien gowlkiper ta’ Hibernians FC, informa lill-klabb tiegħu li hu kien qed jittermina l-kuntratt qabel iż-żmien b’effett immedjat, u dan minkejja li l-kuntratt li kellu mal-istess Hibernians kien fadallu 22 xahar għat-tmiem.

Minn dakinhar bdiet is-saga biex Jurgen Borg jirreġistra ma’ klabb ieħor peress li r-regolamenti tal-MFA ta’ dak iż-żmien ma kienux jippermettu li plejer li jittermina l-kuntratt u minn jeddu jirregistra ma’ klabb iehor. Din il-kwistjoni, wara każijiet quddiem il-Complaints Board u l-Appeal Board tal-MFA, ġiet solvuta mill-Court of Arbitration for Sport (CAS) li ddeċidiet li mingħajr preġudizzju għal kawza ta’ danni, plejer li jittermina kuntratt minn jeddu kellu d-dritt li jirregistra ma’ klabb ieħor. Fl-aħħar ġurnata tas-suq ta’ trasferimenti ta’ Jannar 2018, Jurgen Borg irreġistra sal-aħħar tal-istaġun ma’ Senglea Athletic FC.

Hibernians FC, irrappreżentati mill-Avukat Chris Bonett, fetħu kawża għad-danni kontra Jurgen Borg, skont ir-regolamenti tal-FIFA, b’talba għad-danni kontra l-istess gowlkiper.

Ikkuntattjat minn TVM Sport għall-ewwel reazzjoni, Bonett qal:

“Din hi rebħa għall-klabbs kollha ta’ Malta. Inħossni sodisfatt li issa teżisti kjarezza dwar x’inhuma l-konsegwenzi għal dawk il-plejers li jiddeċiedu li jitterminaw kuntratt qabel iż-żmien mingħajr raġuni valida.

“Il-kuntratti għandhom jiġu rispettati sal-aħħar u jekk xi parti tikser dan il-ftehim, il-konsegwenzi għandhom ikunu ħorox. Dan il-każ hu deterrent ċar għal dawk il-plejers li jkollhom f’moħħom li jiksru kuntratt ta’ xogħol ma’ klabb,” qal l-Avukat Bonett.

Dr. Bonett kompla qal li għalih din m’hijiex rebħa għal Hibernians FC iżda għall-klabbs kollha ta’ Malta li issa għandhom is-serħan tal-moħħ li l-plejers professjonali tagħhom se jaħsbuha darbtejn qabel jiksru l-kuntratt peress li l-penali huma qawwija.

“Din hi sentenza li timla vojt regolatorju li ħalliet l-MFA wara d-deċiżjoni tal-CAS ta’ sena u nofs ilu u għandha sservi ta’ xprun biex l-MFPA tifhem li jagħmel iktar sens li tiddjaloga mal-klabbs Maltin, li jagħmlu tant sagrifiċċji biex iżommu l-klabbs tagħhom għaddejjin,” qal Dr. Bonett.

Borg, li kien irrappreżentat minn Carlo Mamo u l-Avukat Sihon Gauci, f’isem l-unjoni tal-plejers, l-MFPA, iddefendew din il-kawża billi qalu li l-plejer kellu raġuni valida biex jittermina l-kuntratt ma’ Hibernians FC.

Hibernians FC dejjem irrifjutaw din l-allegazzjoni u saħqu li l-plejer ma kellu ebda raġuni biex qabad u qatta’ l-kuntratt.

TVM Sport jinsab infurmat li fuq dan il-punt, il-Complaints Board ta raġun lil Hibernians FC u wara argumentazzjoni fonda ħafna dwar kif għandhom jinħadmu d-danni li saħansitra fiha ġew ikkwotati każijiet ċelebri quddiem il-CAS bħal dak ta’ Webster tal-iskozja, il-plejer ex-Lazio Matuzalem u l-ex-gowlkiper tar-Roma, Morgan De Sanctis, il-Complaints Board iddeċieda li Jurgen Borg għandu jħallas l-ammont ta’ €14,936 lil Hibernians, barra d-€9,000 li Senglea Athletic FC kienu diġà ħallsu lil Hibernians FC bħala parametri.

TVM Sport jinsab infurmat li l-Complaints Board irrakkomanda lis-Segretarju Generali tal-MFA Dr Angelo Chetcuti biex iressaq it-talba ta’ Hibernians FC u jittieħdu passi dixxiplinarji kontra Jurgen Borg quddiem l-awtorità kompetenti fi ħdan l-MFA, kif ukoll ikkundanna lil Senglea Athletic FC, li kienu l-ewwel klabb li rreġistraw lil Borg wara Hibernians FC, biex iħallsu l-ammont dovut lil Hibernians FC, flimkien mal-plejer.

TVM Sport għamel kuntatt ukoll ma’ Carlo Mamo, li f’isem l-MFPA qal:

“Għadna se niltaqgħu u se nitkellmu fuq il-każ. Iżda anki għall-punt, se nappellaw mis-sentenza. L-ammont naqas drastikament.

“Sakemm għadna taħt appell ma tantx nistgħu nitkellmu fuq il-każ,” qal Mamo.

Miktub minn...
TVM Sport
Aħbarijiet Oħra
Futbol lokali

Sitt plejers tal-Kampjonat BOV Premier ġew sospiżi partita mill-Kummissarju tad-Dixxipplina tal-Malta Football Association. Dawn huma Cain Attard ta’ Birkirkara FC, Zachary Scerri ta’ Gżira United FC, Nemanja Radojevic ta’ Hibernians…

Futbol lokali

St Lawrence Spurs…..1 Sannat Lions………….0 St Lawrence Spurs kisbu rebħa minima fil-finali tal-kompetizzjoni Knock Out tat-Tieni Diviżjoni kontra Sannat Lions biex rebħu dan l-unur wara nuqqas ta’ aktar minn għoxrin…

Futbol lokali

Il-partita tant mistennija bejn Hamrun Spartans u Valletta li se tiddeċiedi fejn imur il-Kampjonat BOV Premier 2018/19 se tintlagħab is-Sibt li ġej, fl-16.00, fl-istadium nazzjonali, f’Ta’ Qali. Fl-istess ħin, fil-Hibernians…

Futbol lokali

KAMPJONAT BOV PREMIER 2018/19 Senglea ……..0 Hibernians….2 Din kienet logħba bejn żewġ timijiet li riedu r-rebħa għal objettivi differenti, Hibernians biex ikomplu jissieltu għall-Kampjonat filwaqt li Senglea kontra r-relegazzjoni. Il-Pawlisti…

Aktar