Futbol lokali
Futbol lokali: Jacques Scerri jirriżenja minn kowċ ta’ Balzan FC

Jacques Scerri rriżenja minn kowċ ta’ Balzan FC fis-sigħat li għaddew.

Sorsi ta’ TVM Sport ikkonfermaw li l-eliminazzjoni mill-FA Trophy ta’ Balzan FC kontra Pietà Hotspurs FC kienet l-aħħar intopp biex il-kowċ Scerri juri l-intenzjoni mal-President Anton Tagliaferro li ma riedx ikompli fil-kariga tiegħu.

Jidher biċ-ċar li dan l-istaġun, Balzan FC huma nieqsa ħafna mis-saħħa li kellhom fit-tim fl-aħħar snin. Plejers bħal Cadu, Serrano Valero, Kosoric u Majdevac għamlu differenza kbira fil-prestazzjonijiet tat-tim u fil-mod komdu kif kienu jirbħu l-partiti qabel.

Balzan FC rebħu l-FA Trophy fl-istaġun li għadda meta fil-finali għelbu lil Valletta FC.

Balzan FC jinsabu f’silenzju assolut u jidher li se jkunu qed jippruvaw jikkonvinċu lil Scerri biex jibqa’ magħhom, tal-inqas sa tmiem l-istaġun.

Jacques Scerri kien l-ewwel u l-uniku kowċ li ġab unur fil-klabb ta’ Balzan FC bl-FA Trophy fl-istaġun li għadda.

Fil-passat, Scerri kkowċja lil Pembroke Athleta FC, Tarxien Rainbows FC u Hamrun Spartans FC.

Miktub minn...
TVM Sport