Futbol lokali
Futbol lokali: Jirriżenja l-Kumitat ta’ Marsa FC minħabba diżgwid mal-President

Marsa FC jinsabu għaddejjin minn turbolenzi kbar fil-klabb tagħhom minħabba l-fatt li fl-aħħar sigħat, disgħa minn 11-il membru li kienu jiffurmaw parti mill-Kumitat tagħhom, irriżenjaw minħabba diżgwied mal-President Twanny Mercieca.

TVM Sport jinsab infurmat li l-uniku żewġ membri fil-Kumitat li għadhom ma ppreżentawx ir-riżenja fil-klabb u fl-MFA huma l-President Mercieca nnifsu u Raymond Brincau, it-Teżorier tal-klabb li hu wkoll il-barman tal-każin tal-futbol u ħabib intimu tal-istess President.

Dawk li sa ftit tas-sgħat ilu kienu membri fil-Kumitat ta’ Marsa FC, jinsabu ferm iddispjaċuti li anki jekk l-uffiċjali tal-Malta Football Association jafu minn xiex għaddej il-klabb tagħhom, s’issa għadhom ma ntervjenewx fis-sitwazzjoni kif sar fil-passat ma’ klabbs oħra.

“Ma nistax nifhem kif l-MFA ma daħlitx fiha. Irriżenjajna kollha minbarra l-President u t-Teżorier. Fadal xi żewġ membri oħra li se jmorru l-MFA iktar tard jitfgħu l-aħħar riżenji. Għalfejn mhux jagħtu kasna?”, qalilna ex membru tal-Kumitat Marsi.

Ir-regolamenti tal-MFA jgħidu ċar u tond li Kumitat ta’ kull klabb lokali tal-futbol ma jistax jopera b’inqas minn ħames membri u li jekk iseħħ dan, l-MFA ikollha tintervjeni fis-sitwazzjoni.

Jidher li wara bidu ta’ staġun diżastruż, il-membri tal-Kumitat ta’ Marsa FC kienu qablu bejniethom li ħadu deċiżjonijiet żbaljati tant li riedu li tissejjaħ Laqgħa Ġenerali Straordinarja biex imorru mill-ġdid quddiem il-membri tal-klabb u jitolbuhom vot ta’ fiduċja.

Il-Ħadd li għadda, saret din il-Laqgħa u TVM Sport jinsab infurmat li kellha attendenza numeruża ta’ aktar minn 100 membru. Il-Laqgħa kienet waħda mqanqla sew, bil-preżenza tal-Pulizija ta’ Malta u b’battibekki kbar li bdew iqumu kull ftit minuti.

Jidher li f’din il-Laqgħa kien hemm nuqqas ta’ qbil fuq kif kellu jittieħed vot ta’ fiduċja fuq il-membri tal-Kumitat, bil-President Mercieca jgħid li għandu jittieħed bix-‘show of hands’ u bil-kumplament tal-membri tal-Kumitat li riedu vot fil-magħluq. TVM Sport jinsab infurmat li l-membri preżenti tal-klabb kollha qablu li għandu jsir vot fil-magħluq iżda meta raw lil Mercieca jinsisti li jrid vot bix-‘show of hands’, iddeċidew kollha li jastjenu.

TVM Sport jinsab infurmat li fit-toroq tal-Marsa bdiet tiġri l-kelma li Twanny Mercieca, President tal-klabb mistenni jagħmel laqgħa oħra l-Ħadd li ġej fejn fiha mistenni jeleġġi membri tal-familja tiegħu biex ikollu Kumitat li jista’ jibqa’ jopera u jmexxi għall-kumplament tal-istaġun.

Marsin u ex membri tal-Kumitat li tkellmu ma’ TVM Sport infurmawna li fl-aħħar xhur u snin ħassew li kien hemm drabi fejn ġibdu l-attenzjoni li ċertu deċiżjonijiet fil-klabb kienu qed jittieħdu ħażin, iżda minkejja dan kollu, kollox baqa’ għaddej, “dritt għal ġol-ħajt.”

Jider li Marsa FC għandhom problemi kbar ta’ finanzi u arretrati mal-plejers u kowċis li lagħbu mat-tim fl-aħħar żminijiet.

TVM Sport jinsab infurmat li d-dejn tal-klabb ta’ dan l-istaġun biss diġà qabeż l-€40,000.

Il-Ħadd li għadda, Marsa sofrew telfa umiljanti ta’ 10-2 kontra Sirens u jinsabu ankrati f’qiegħ il-klassifika tal-Ewwel Diviżjoni b’5 punti biss.

Miktub minn...
TVM Sport
Aħbarijiet Oħra
Futbol lokali

Ir-referee Għawdxi Mario Apap inħatar bħala l-President il-ġdid tal-Malta Football Referees Association. Hu inħatar waqt laqgħa ġenerali oħra tal-assoċjazzjoni. Ishmael Barbara inħatar bħala Segretarju filwaqt li fir-rwol ta’ Viċi President,…

Futbol lokali

FUTBOL LOKALI Gżira United ippreżentaw l-iskwadra tagħhom għall-istaġun li ġej waqt konferenza stampa li saret ilbieraħ filgħaxija f’post tad-divertiment f’Tas-Sliema. Il-Maroons, li spiċċaw fit-tielet post tal-klassifika kemm fl-istaġun li għadda…

Futbol lokali

Sliema Wanderers ħabbru li akkwistaw lill-plejer mill-Arġentina Juan Cruz Gill. Id-difensur, li għandu wkoll ċittadinanza Taljana, lagħab f’pajjiżna ma’ Valletta u Tarxien Rainbows. Fil-passat, Crus Gill lagħab fil-Premier Division fl-Arġentina…

Aktar