Futbol lokali
Futbol lokali: L-aħħar ftit sigħat ta’ Paul Zammit ma’ Birkirkara?

Għal Paul Zammit, kowċ ta’ Birkirkara FC, dawn jistgħu jkunu l-aħħat ftit sigħat fil-kariga tat-tim.

Sorsi ta’ TVM Sport li huma viċin ħafna l-Kumitat ta’ Birkirkara FC, ikkonfermaw li l-ħatra ta’ John Arne Riise, bħala d-Direttur Sportiv tal-klabb, tista’ tkun il-kaġun tat-tneħħija jew tar-riżenja ta’ wieħed mill-iktar kowċis ta’ valur li għandu l-futbol Malti.

Sorsi interni mill-Kumit ta’ Birkirkara FC ikkonfermaw ma’ TVM Sport li l-problemi ta’ Zammit m’humiex biss dawk li ħarġu fil-pubbliku mal-President Frankie Zarb, iżda wkoll ma’ żewġ persuni oħra li huma nvoluti direttament fit-tim.

Wara l-ewwel rawnd, Birkirkara FC jinsabu fis-sitt post tal-klassifika b’24 punt, seba’ punti taħt il-leaders Gżira United FC u Hibernians FC. Il-Yellows jinsabu wkoll mal-aħħar 16 tal-FA Trophy.

Jidher li fit-tim ta’ Birkirkara FC ġej taqlib kbir f’dan ix-xahar tat-trasferimenti ta’ Jannar. Jidher li Zammit ma kienx ikkonsultat bl-akkwist ta’ Clayton Failla u tneħħija ta’ Edward Herrera mentri l-klabb tilef is-servizzi ta’ Paul Fenech se jerġa’ jingħaqad ma’ Balzan FC. Jidher ukoll li fil-jiem li ġejjin, Birkirkara FC jistgħu jneħħu diversi barranin li għandhom fit-tim fil-mument.

L-istess sorsi tagħna kkonfermaw li d-diriġenti Karkariżi m’huma kuntenti xejn bil-wirjiet tat-tim f’dan l-istaġun iżda ħafna ma jistgħux jifmhu kif il-President tal-klabb Frankie Zarb u membri oħra fil-Kumitat tiegħu, ħaduha daqshekk qatta’ bla ħabel fl-apert kontra l-kowċ tagħhom.

TVM Sport jista’ jikkonfermaw li l-‘gwerra interna’ bejn Zammit u l-Kumitat bdiet daqs 10 ġimgħat ilu wara t-telfa ta’ 2-1 kontra Hamrun Spartans FC. Kien wara din il-partita li Frankie Zarb, President ta’ Birkirkara FC, ħalla dikjarazzjonijiet ibsien fuq il-mezzi tax-xandir, fosthom fil-programm OFFSIDE fuq TVM2.

Zarb kien iddikjara fil-pubbliku li ma kienx kuntent bil-kowċ tiegħu stess u li saħansitra kien tkellem ma’ Pietro Ghedin, ex kowċ nazzjonali, f’każ li Zammit jiddeċiedi li jitlaq. F’diversi xandiriet, saħansitra ntqal li l-klabb ma kienx kuntent b’diversi plejers lokali u anki internazzjonali.

Iżda l-problema ta’ Zarb u ta’ Birkirkara FC hi waħda: Li jekk jitneħħa Zammit ikollu jiġi onorat il-kuntratt li għandu u li jiskadi sentejn u nofs oħra, mentri jekk jiddeċiedi li jitlaq, il-klabb ma jidħol fl-ebda spiża żejda.

John Arne Riise mistenni jiffirma fis-sigħat li ġejjin, u kollox qed jindika li r-responsabbiltajiet li se jingħata se jkunu tat-tmexxija tat-tim, li bihom awtomatikament ikun jista’ jiddeċiedi u jibdel deċiżjonijiet ta’ Zammit.

TVM Sport jinsab infurmat li xi ħaġa bħal din mhux se tkun aċċettata minn Zammit u li allura ma tħallilu l-ebda alternattiva ħlief li jirriżenja jew jilħaq ftehim mal-klabb, kemm mil-lat onorabbli u anki minn dak finanzjarju.

TVM Sport prova jagħmel kuntatt bit-telefon ma’ Paul Zammit mingħajr suċċess.

Miktub minn...
TVM Sport