Futbol lokali
Futbol lokali: L-MFA issejjaħ laqgħa urġenti mal-klabbs tal-Premier illejla; It-tim Malti fil-kampjonat Lega Pro fuq l-aġenda

Il-Malta Football Association, illejla se tkun qed tiltaqa’ mal-klabbs tal-Kampjonat BOV Premier, biex tispjegalhom kif se taħdem is-sistema tat-tim Malti fil-kampjonat Taljan tal-Lega Pro minn staġun ieħor.

TVM Sport jinsab infurmat li din il-laqgħa se tkun waħda mqanqla sew b’diversi klabbs li jridu jsolvu diversi dubji li għandhom fuq kif se taħsem is-sistema tat-trasferimenti tal-plejers għal mat-tim tal-MFA.

Fil-laqgħa tal-lejla l-aġenda se tkun l-aspetti tal-klabbs u kif se jaffetwahom dan it-tim, il-Youth League li mistenni jinfetaħ ukoll sal-età ta’ taħt il-21 sena u l-plejers barranin fil-kampjonat BOV Premier.

Fl-aħħar ġimgħat u xhur minn meta sar President tal-MFA Bjorn Vassallo, kienu ħafna klabbs li tħallew fil-għama dwar kif se jaffettwahom dan it-tim li l-istess President wiegħed li jrid jagħmel fil-kampanja elettorali tiegħu u li b’din il-wegħda, wisq probabbli, rebaħ is-siġġu tat-tron.

L-ikbar dubju ta’ kull klabb tal-Premier, qabel il-laqgħa tal-lejla hu dak dwar jekk il-klabbs hux se jkunu obbligati jċedu l-plejers tahom lill-MFA, anki jekk kontra l-volonta tagħhom, jekk jintalbu jagħmlu dan.

Sorsi ta’ TVM Sport jikkonfermaw li dan mhux se jkun il-każ iżda fil-laqgħa tal-lejla wkoll se jiġu diskussi diversi aspetti dwar kemm u kif se jitħallsu l-klabbs tal-plejers li lesti jċedu.

TVM Sport jinsab infurmat li għal din il-laqħa, l-amministrazzjoni tal-MFA, se tiżvela mal-klabbs il-pjan ta’ kif se jitħallsu l-klabbs tat-trasferimenti tal-plejers u dwar il-kunsiderazzjonijiet li ttieħdu li bihom se jkunu qed jitħallsu l-plejers f’salarji differenti skont il-profil tagħhom. Il-profil jinkludi kemm partiti l-plejer lagħab mat-tim nazzjonali tal-kbar u ta’ taħt il-21 sena u kemm-il partita l-plejer lagħab fil-Kampjonat Premier, fost l-oħrajn.

Sorsi tagħna viċin l-amministrazzjoni tal-MFA ikkonfermaw ukoll li l-Assoċjazzjoni mhux se tkun qed iddur fuq plejers li huma mingħajr kuntratt u dan biex kull klabb jiġi kkumpensat għall-prodott tiegħu.

Din il-laqgħa tal-lejla mistennija twassal ukoll għad-diskussjoni awtomatika dwar kif se jkun affettwat il-kampjonat lokali, bl-aktar miżura probabbli tkun dik li mill-istaġun li ġej jinfetaħ is-suq tal-plejers barranin fil-kampjonat Premier.

Fil-laqgħa tal-lejla se jkun hemm preżenti l-amministrazzjoni kollha tal-MFA, bil-kelliema prinċipali li se jkunu l-President Vassallo, il-Viċi President Matthew Paris u s-Segretarju Ġenerali Angelo Chetcuti.

L-ikbar mistoqsija wara l-laqgħa tal-lejla tkun dik dwar x’se jkun qed jagħmel il-President jekk dak li se jgħid illejla ma joġgħobx lil dawk ta’ quddiemu, u allura ma jkunux lesti li jċedu l-ebda plejer għall-ebda prezz u li allura jwassal biex il-wegħda ‘Cavallo di Battaglia’ li rebħietu l-elezzjoni fis-sajf li għadda ssir duħħan.

TVM Sport infurmat li erba’ klabbs tal-Premier diġà tkellmu fil-miftuħ dwar dan u li mhux lesti jċedu lanqas “flixkun ilma mid-dressing lill-MFA għall-ebda prezz”.

Diskussjoni dwar din il-laqgħa u aktar se ssir illejla fil-programm OFFSIDE, dirett fuq TVM2, mid-20.45 ‘il quddiem.

Miktub minn...
TVM Sport
Aħbarijiet Oħra
Futbol lokali

Il-Malta Football Association għandha reġistrati magħha 845 kuntratt mill-erba’ diviżjonijiet rispettivi tagħha li huma l-Kampjonat BOV Premier, il-Kampjonat BOV tal-Ewwel Diviżjoni, il-Kampjonat BOV tat-Tieni Diviżjoni u l-Kampjonat BOV tat-Tielet Diviżjoni….

Futbol lokali

Il-Malta Football Association se tkun qed tipproponi xenarji differenti dwar kif se jitkomplew il-kompetizzjonijiet domestiċi f’pajjiżna fosthom li dawn jintlagħbu fix-xhur tas-sajf wara l-bibien magħluqa. TVMSport jinsab infurmat li Bjorn…

Futbol lokali

Il-Malta Football Association illum varat proġett ġdid ta’ programm tat-televiżjoni mmirat speċifikament għat-tfal f’dan iż-żmien meta ħafna qedgħin kostretti jqattgu l-ħin tagħhom id-dar. L-għan ta’ dan il-programm bl-isem ta’ ‘Training…

Futbol lokali

Waqt laqgħa permezz ta’ video-conference li saret illum bejn il-UEFA u l-55 assoċjazzjoni membru, fosthom Malta, l-Assoċjazzjoni Ewropeja tal-futbol ħabbret xenarji ġodda dwar id-deċiżjoni jekk u meta l-kampjonati domestiċi fl-Ewropa…

Aktar