Futbol lokali
Futbol lokali: L-MFA issejjaħ laqgħa urġenti tal-Eżekuttiv għal għada…se tipproponi biex l-istaġun jitkompla fis-sajf

Il-Malta Football Association se tkun qed tipproponi xenarji differenti dwar kif se jitkomplew il-kompetizzjonijiet domestiċi f’pajjiżna fosthom li dawn jintlagħbu fix-xhur tas-sajf wara l-bibien magħluqa.

TVMSport jinsab infurmat li Bjorn Vassallo, President tal-MFA, sejjaħ laqgħa urġenti tal-Eżekuttiv għal għada l-Erbgħa u li fiha se jikkomunika suġġeriment li ta wkoll il-President tal-UEFA Aleksander Ceferin.

F’intervista li ta fl-aħħar sigħat, Ceferin sostna li “aħjar futbol bil-bibien magħluqa u fuq it-televiżjoni milli bla futbol.”

Persuna midħla sew tal-futbol Malti u li tkellmet ma’ TVMSport sostniet li minkejja li hi deċiżjoni li żżomm il-futbol għaddej, din tista’ tħalli impatt ferm negattiv kemm mil-lat finanzjarju iżda wkoll minn dak soċjali. Wieħed irid jara wkoll jekk il-klabbs hux se jkunu jistgħu jilħqu l-ftehim kollu neċessarju mal-plejers tagħhom biex jibqgħu f’Malta fis-sajf ukoll jew jekk telqu diġà f’pajjiżhom, biex jiġu lura.

TVMSport jinsab infurmat li fil-laqgħa tal-Eżekuttiv ta’ għada, l-aġenda ewlenija se tkun meta u jekk hux se jkompli l-futbol f’Malta.

Din se tkun l-ewwel laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv minn meta l-futbol lokali kien sospiż, wara li matul fl-aħħar ġimgħat l-MFA ħadmet aktar fuq dawk li kienu u għadhom il-prijoritajiet waqt din il-pandemija.

Sorsi li għandu TVMSport jikkonfermaw li komplew ukoll il-laqgħat mid-Djalogu Soċjali u dan biex jintlaħaq aktar kunsens bejn il-klabbs u plejers rigward l-obbligi kuntrattwali u r-riduzzjoni tas-salarji. Waqt dawn il-laqgħat saret ukoll diskussjoni mal-awtoritajiet governattivi biex il-futbol lokali jkun jista’ jibbenifika mill-assistenza finanzjarja tal-Malta Enterprise.

F’mument meta l-attività sportiva tinsab wieqfa kullimkien u meta ħadd ma jista’ jagħti garanziji ta’ meta t-taħriġ tal-atleti u l-kompetizzjonijiet sportivi se jkomplu, dejjem jekk l-imxija tal-Covid-19 itaffi, kull Assoċjazzjoni qiegħda tipprova taħdem fuq xenarji li jagħtu direzzjoni lill-klabbs, l-atleti, l-amministraturi u l-partitarji biex dawn ikunu f’pożizzjoni li jippreparaw għal dak il-jum meta niġu lura għan-normal.

Fil-futbol internazzjonali qiegħdin nisimgħu bi klabbs li bdew b’taħriġ speċifiku, fosthom fil-Ġermanja, iżda f’ħafna pajjiżi oħra tal-Ewropa fosthom f’Malta, t-taħriġ għadu pprojbit b’mod indefinit mill-awtoritajiet tas-saħħa.

Fil-fatt, fil-livell ta’ futbol, din tista’ tkun l-akbar sfida għall-UEFA minħabba li se jkunu l-awtoritajiet ta’ kull pajjiż li se jistabilixxu meta l-attività sportiva għandha tirritorna għan-normal u mhux il-UEFA jew xi Assoċjazzjoni Ewropea jew Dinjija oħra.

Għalhekk se jkun impossibli tistabillixi jekk il-kompetizzjonijiet Ewropej tal-UEFA Champions League u l-UEFA Europa League hux se jkunu jistgħu jkomplu skont ix-xenarji fittizzji li kienu ppreżentati mill-UEFA lill-membri tagħha matul l-aħħar laqgħa virtwali li saret il-ġimgħa l-oħra.

Miktub minn...
TVM Sport
Aħbarijiet Oħra
Futbol lokali

Steve Borg, id-difensur tat-tim nazzjonali Malti u l-plejer li għal dawn l-aħħar snin mexxa d-difiża ta’ Valletta FC, fis-sigħat li ġejjin se jsir plejer ta’ Gżira United FC. Borg hu…

Futbol lokali

Sitt klabbs tal-kampjonat BOV Premier ingħataw il-liċenzja tal-UEFA li biha jistgħu jikkompetu fl-istaġun li ġej. Dawn il-klabbs huma Balzan, Floriana, Gżira United, Hibernians, Sirens u Valletta. Dawn il-liċenzji ngħataw wara…

Futbol lokali

Il-Malta Football Association, fi stqarrija, uriet solidarjetà mal-gowlkiper nazzjonali Rashed Al-Tumi li fl-aħħar sigħat sofra minn kummenti ta’ razziżmu fuq il-media soċjali. L-MFA qalet li l-kummenti li nkitbu saru minn…

Futbol lokali

L-ex plejer internazzjonali Malti Andre’ Schembri nħatar kowċ tat-tim ta’ taħt il-15-il sena ta’ Apollon Limassol. Apollon Limassol hu t-tim li Schembri lagħab miegħu bħala plejer professjonali f’Ċipru bejn l-2017…

Aktar