Futbol lokali
Futbol lokali: Malta tistenna l-ġurnata tat-Tnejn għad-deċiżjoni finali tal-klassifiċi

It-Tnejn filgħaxija jinżel is-siparju fuq l-istaġun straordinarju tal-futbol 2019/20 meta l-Kunsill tal-MFA huwa mitlub jiddeċiedi l-eżitu tal-klassifiċi finali li kienu waslu sal-Ħadd 8 ta’ Marzu 2020, l-aħħar ġurnata li ntlgħab il-futbol f’Malta.

Ftit jiem wara din id-data l-MFA kienet ħabbret is-sospensjoni tal-futbol u dan minħabba l-pandemija tal-Covid-19 li laqtet ukoll lil pajjiżna.

Fil-Kunsill tal-MFA tat-Tnejn li ġej hemm 80 vot eliġibbli li l-erbgħa tal-uffiċjali tal-aministrazzjoni tal-MFA mhux se jkunu qed jintefgħu. Għaldaqstant se jkun hemm massimu ta’ 76 vot.

Sorsi ta’ TVMSport jikkonfermaw li fil-laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Ħamis li għadda, u li damet sejra għal kważi sitt sigħat, id-diskussjoni kienet waħda mqanqla u l-President tal-MFA Bjorn Vassallo, flimkien mal-uffiċjali l-oħra tal-MFA, baqgħu jinsistu li dak kollu deċiż kien qiegħed isir fuq fatti u dejjem skont ir-regolamenti tal-Assoċjazzjoni.

Persuni viċin ħafna tal-Assoċjazzjoni u esperti tar-regolamenti qalulna li l-MFA ma tistax tiddeċiedi mod ieħor għaliex l-Istatut huwa dak li finalment jirregola kollox u jidher li l-aħħar kelma dejjem tkun tal-Kunsill tal-MFA.

L-istess sorsi neħħew kull dubju dwar allegazzjonijiet li xi uffiċjal għandu xi poteri li jiddeċiedi waħdu tant li kull deċiżjoni hija dejjem ikkomunikata u vverifikata mill-UEFA u jekk l-MFA tiddeċiedi kontra dak li huwa l-mertu sportiv b’mod trasparenti, ikollha inkwiet kbir mal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-futbol.

Il-Kumitat Eżekuttiv iddeċieda fuq il-kanċellazzjoni tas-Super Cup ġaladarba l-Kampjonat Premier u l-FA Trophy ġew itterminati. Għal din is-sena mhux se jkun hemm rebbieħ tal-FA Trophy minħabba li din ġiet itterminata fl-istadju tas-semifinali.

Kollox jinsab lest biex it-Tnejn, il-pubbliku sportiv Malti jkun jaf x’se jsir mill-promozzjonijiet u r-relegazzjonijiet tal-klabbs u kif se jibda l-istaġun il-ġdid tal-futbol.

Dan ukoll minħabba li fl-aħħar laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv tal-MFA kienu ippreżentati kompetizzjonijiet ġodda li jolqtu lill-klabbs iż-żgħar tal-MFA u li minn informazzjoni li għandu TVMSport jidher li din il-proposta ntlaqet tajjeb ħafna mill-amministrazzjonijiet tal-klabbs rispettivi.

Deċiżjoni oħra li se tmur għall-vot quddiem il-Kunsill tal-MFA se tkun dik tar-rebbieħa tal-kampjonati u ta’ kompetizzjonijiet oħra li torganizza l-MFA.

Matul l-aħħar jiem, l-istennija kibret hekk kif il-partitarji ta’ Floriana, Zejtun Corinthians, Marsa u Attard qed jistennew bil-ħerqa jekk hux se jsiru Champions tal-kampjonati peress li kienu jinsabu fl-ewwel post tal-klassifika meta l-futbol waqaf.

L-istess bħalhom Nadur Youngsters, f’Għawdex, Birkirkara fil-futbol tan-nisa u Luxol fil-futsal. Magħhom jingħaqdu dawk il-klabbs kollha li kienu fl-ewwel post tal-klassifika f’kull kompetizzjoni oħra lokalment. Fil-kompetizzjonijiet kollha kienu ntlagħbu aktar minn 75% tal-logħbiet, oriġinarjament skedati.

Id-deċiżjoni tat-Tnejn mhux se taffetwa liema klabbs mistennija jipparteċipaw fil-kompetizzjonijiet tal-UEFA 2020/21 u dan wara li l-Kumitat Eżekuttiv tal-MFA ppreżenta lil Floriana għall-UEFA Champions League u lil Valletta, Hibernians u Sirens għall-UEFA Europa League wara li l-futbol kien itterminat u sa dakinhar fil-klassifika kienu dawn il-klabbs fl-ewwel erba’ postijiet. Dan sar skont il-linji gwida tal-UEFA li ħarġu apposta minħabba l-mument straordinarju li l-futbol jinsab fih madwar l-Ewropa kollha.

Ironikament, il-ġurnata tat-Tnejn 25 ta’ Mejju, hi l-istess ġurnata sa meta l-UEFA talbet lil kull assoċjazzjoni membru tikkonferma dak li kien se jkun qiegħed iseħħ dwar il-kompetizzjonijiet domestiċi f’kull pajjiż.

Miktub minn...
TVM Sport
Aħbarijiet Oħra
Futbol lokali

L-ex plejer internazzjonali Malti Andre’ Schembri nħatar kowċ tat-tim ta’ taħt il-15-il sena ta’ Apollon Limassol. Apollon Limassol hu t-tim li Schembri lagħab miegħu bħala plejer professjonali f’Ċipru bejn l-2017…

Futbol lokali

Il-President ta’ Żejtun Corinthians Joe Gauci tkellem għall-ewwel darba ma’ TVM Sport min mindu l-Club tiegħu ġie uffiċjalment dikjarat Champion tal-ewwel diviżjoni għall-istaġun 2019/20 u b’hekk kien promoss ukoll għall-kampjonat…

Futbol lokali

F’intervista ma’ TVMSport li se tixxandar illejla, Victor Sciriha kkonferma li se jibqa’ President ta’ Valletta FC u mhux se jkun qed jitlaq il-kariga qabel ma fi kliemu jara “li…

Futbol lokali

Il-Gozo Football Association ippreżentat it-tazza ta’ champions tal-BOV Gozo Football League 2019/20 lil Nadur Youngsters f’ċeremonja qasira. Din il-preżentazzjoni setgħet issir wara li l-kunsill tal-Malta Football Association ikkonferma d-deċizjoni tal-Gozo…

Aktar