Futbol lokali
Futbol lokali: Qabel l-aħħar ġurnata tal-kampjonat…jitkellmu l-kowċis tal-partiti kruċjali

Ftit sigħat qabel l-aħħar partita tal-Kampjonat BOV Premier 2018/19, it-tmien kowċis tal-erba’ partiti kruċjali li se jiddeterminaw min jirbaħ it-titlu, min jispiċċa fir-raba’ post u min jiġi relegat, tkellmu u qalgħu tagħhom mal-media lokali.

L-ikbar attenzjoni tal-aħħar ġurnata hi bla dubju l-partita tas-Sibt fl-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali bejn Hamrun Spartans u Valletta. Il-partita tixxandar dirett fuq TVM2.

Gilbert Agius, kowċ ta’ Valletta FC, qal li Valletta jinsabu partita bogħod mir-rebħ tat-titlu. Hu qal li l-partita tawgura spettaklu u mistennija eluf ta’ nies preżenti. Agius qal li Hamrun Spartans hu tim organizzat u b’saħħtu ħafna u ħażin min jaħseb li se tkun xi partita faċli. Madankollu jinsab fiduċjuż li l-plejers tiegħu se jagħtu wirja ta’ champions denji.

Giovanni Tedesco, kowċ ta’ Hamrun Spartans, qal li l-partita tas-Sibt se tkun forsi l-aktar waħda importanti f’dawn l-aħħar snin għall-Ħamruniżi kollha. Hu qal li l-istaġun kollu tal-klabb se jiddependi fuq dawn id-90 minuta u awgura li tkun ġurnata sabiħa ta’ sport u li jirbaħ l-aħjar tim.

Stefano Sanderra, kowċ ta’ Hibernians, qal li kontra Balzan se tkun partita diffiċli ħafna u hemm bżonn li l-plejers tiegħu jkunu konċentrati fuq il-partita tagħhom, aktar milli x’se jkun qed jiġri f’Ta’ Qali. Hu qal li Hibernians se jkunu qed jemmnu sal-aħħar sekonda li jistgħu jirbħu l-kampjonat.

Jacques Scerri, kowċ ta’ Balzan, qal li l-partita tas-Sibt hi xi ħaġa li ftit taż-żmien ilu ftit basru li setgħet tiġri fil-klabb Balzani. Skont Scerri, l-aħħar partita kontra l-Pawlisti hi l-aktar partita diffiċli li seta’ jkollhom iżda qal li t-tim tiegħu se jkun qed jagħti l-mija fil-mija u jistenna mingħand ħaddieħor xorta waħda.

Stefano Macoppi, kowċ ta’ Sliema Wanderers, qal li t-tim tiegħu żbalja l-partita kontra Balzan u għaldaqstant, rebħa kontra Pietà Hotspurs tista’ ma tkunx biżżejjed peress li jridu jistennew mingħand ħaddieħor. Hu qal li minkejja li ġew relegati, Pietà huma xorta tim validu ħafna li m’għandux x’jitlef u jridu jkollhom l-attenzjoni kollha possibbli biex jirbħu l-partita.

Enzo Potenza, kowċ ta’ Senglea Athletic, qal li l-futur tal-klabb hu f’idejn il-plejers tiegħu stess u jinsab fiduċjuż li b’wirja kollettiva mingħajr biża’, tista’ tasal ir-rebħa biex it-tim jaċċerta postu mill-klassifika Premier għal staġun ieħor.

Mario Muscat, kowċ ta’ Qormi, qal li l-objettiv tal-klabb tiegħu jibqa’ li jsalva postu mal-kbar iżda għall-aħħar partita ma jiddependix minnhom biss. Muscat qal li ftit kienu dawk li basru li Qormi kien għad se jkollhom ċans isalvaw posthom sal-aħħar 90 minuta tal-kampjonat.

Johan Scicluna, kowċ ta’ St Andrews, qal l-ġlieda għas-salvazzjoni hi bejn tliet timijiet u xejn għajr rebħa mhu se tkun biżżejjed fil-partita kontra Gżira United. Hu qal li jispera li l-plejers tiegħu joħorġu l-aħjar tagħhom biex jevitaw ir-relegazzjoni u l-partita tal-play-off.

Qabel ma tkellmu l-kowċis rispettivi, Angelo Chetcuti, Segretarju Ġenerali tal-MFA, qal li l-protagonisti tal-aħħar ġurnata tal-kampjonat se jkunu l-kowċis u l-plejers rispettivi. Hu qal li f’partiti bħal dawn, l-interess tal-pubbliku Malti jiżdied sew u jkompli jikkonferma l-popolarità tal-futbol Malti. Hu awgura spettaklu fil-pitch u li l-aħjar tim fil-konfronti kollha joħroġ rebbieħ.

Tkellem ukoll Charles Azzopardi, f’isem il-Bank Of Valletta, li qal li r-relazzjoni bejn il-bank u l-MFA tmur lura snin u f’dawn l-aħħar snin il-bank ra l-livell ta’ logħob dejjem aktar jiżdied.

Miktub minn...
TVM Sport
Aħbarijiet Oħra
Futbol lokali

Illum tkomplu u tlesta l-MFA Symposium li kien organizzat f’Dar il-Mediterran fil-Belt Valletta. Dan is-symposium wassal tagħrif ta’ opportunitajiet fid-dinja diġitali tal-lum. Is-Symposium fetaħ b’diskors tal-President tal-MFA Norman Darmanin Demajo…

Futbol lokali

Darren Abdilla hu l-kowċ il-ġdid ta’ Valletta FC. Hu ffirma kuntratt li se jorbtu mal-klabb sal-istaġun 2021/2022. L-aħbar saret uffiċjali ilbieraħ filgħaxija. Abdilla kien strumentali biex Gżira United FC għamlu…

Futbol lokali

Bob Higgins, l-ex Youth Development Officer tal-Malta Football Association, instab ħati fuq 45 kap ta’ akkuża ta’ abbuż sesswali fuq 23 tifel. Higgins kien ingħata din il-kariga fl-MFA f’Lulju tal-1989…

Futbol lokali

Manuele Blasi, l-ex plejer tas-Serie u tat-tim nazzjonali Taljan, mil-lum sar il-kowċ ta’ Hamrun Spartans FC. Blasi se jkun qed jibdel lil Giovanni Tedesco li ħalla l-kariga tiegħu biex ingħaqad…

Aktar