Futbol lokali
Futbol lokali: Qormi FC jippreżentaw l-akkwisti l-ġodda u l-pjani tal-futur…jgħidu tagħhom dwar il-protest ‘mhux milqugħ’ u dwar l-MFA

Qormi FC ippreżentaw l-akkwisti l-ġodda għall-kumplament tal-istaġun taħt il-Presidenza ta’ Victor Camilleri u l-kowċ Matthew Psaila.

F’konferenza tal-aħbarijiet li saret fil-Kumpless Sportiv tal-klabb, Victor Camilleri ħa l-okkażjoni biex jitkellem dwar l-akkwisti u l-pjani tal-futur tal-klabb, dwar il-protest mhux milqugħ li resqu kontra Birkirkara FC u dwar l-operat tal-Malta Football Association.

Camilleri qal li fl-istaġun li għadda, Qormi FC ġew promossi fil-Kampjonat BOV Premier bla ħsieb u allura l-iskwadra ma kinitx ta’ saħħa li tista’ tikkompeti b’mod konvinċenti, tal-inqas mal-klabbs iż-żgħar. Hu kompla qal li l-għanijiet ta’ dan l-istaġun hu li mil-logħba li ġejja jibdew jieħdu l-punti biex il-klabb jistabbilixxi ruħu mal-kbar.

“Ir-raħal ta’ Ħal Qormi jixraqlu l-aħjar u għandna biex inkunu stabbiliti mal-kbar. Irridu nġibu n-nies lura lejn l-istadium. Irridu li kull min jista’ jgħin lill-klabb ikun hawn magħna f’dan il-proġett, f’din il-ħolma li għandna u li se nwettqu lkoll flimkien,” qal il-President ta’ Qormi FC.

“Fl-ebda ħin ma pruvajna naħarbu lil xi ħadd li għandu jieħu” 

Victor Camilleri qal li l-klabb qed ikompli jersaq lejn aktar professjonaliżmu għaliex ma jistax ikun li jkomplu jsibu diffikultajiet kull meta jiġu għal xogħol ta’ amministrazzjoni.

“Il-klabb irid jibqa’ sostenibbli. Fl-ebda ħin ma pruvajna naħarbu lil xi ħadd li għandu jieħu. Iżda biex ma jerġax ikollna l-istess problema hemm bżonn li fil-futur il-klabb jinvesti f’ċertu nies ta’ stoffa u ta’ edukazzjoni.

“Kull min jista’ jagħti daqqa t’id ikun qed jgħin. Nixtieq lill-Qriema jiċċaqalqu. Il-klabb ta’ Qormi FC jiġbor aktar minn 200 familja li dan ifisser ħafna tfal li nressquhom lejn l-isport u l-futbol, u ‘l bogħod mill-vizzjijiet ħżiena tal-ħajja tal-lum,” qal Camilleri.

Camilleri faħħar ix-xogħol u ta merħba fil-klabb lill-kowċ Matthew Psaila; lid-Direttur Tekniku Mario Muscat li flimkien mal-istaff tagħhom Karl Sciortino, bħala physical trainer u Francesco Scopice, goalkeepers coach, se jkunu qed jisfruttaw it-talent tal-plejers il-ġodda li ġab il-klabb biex isalvaw posthom mal-kbar fl-aħħar tal-istaġun.

Camilleri rringrazzja lill-ex kowċ Brian Spiteri tax-xogħol kbir li wettaq fil-klabb fis-snin li għaddew, irringrazzja lill-plejers li kienu mal-klabb u ma baqgħux u ta merħba lill-akkwisti l-ġodda li għamel il-klabb.

Fil-konferenza tal-aħbarijiet, Victor Camilleri tkellem dwar is-sitwazzjoni li sab fil-klabb ta’ Qormi FC sena u nofs ilu meta daħal hu fit-tmexxija. Camilleri qal li hu u sħabu sabu ma’ wiċċhom djun kbar li kienu kważi impossibbli li jitħallsu.

“Id-deċiżjoni kellha tkun bejn tnejn; jew tonfoq €20 u tixtri katnazz biex tagħlaq il-bibien, jew tidħol bir-ras għall-problemi li kien hawn biex issolvihom u tibqa’ għaddej”

Il-President ta’ Qormi FC irringrazzja lis-Supporters Club u lill-familja Fenech ta’ Tumas Group li qed jgħinu f’dawn il-problemi biex jissolvew kemm jista’ jkun malajr.

Victor Camilleri wera sodisfazzjoni għaċ-ċifri li ħarġu mill-Kunsill tal-MFA li sar ilbieraħ fejn uffiċjalment, Qormi FC kien l-aktar klabb li ntroduċa żgħażagħ fl-istaġun li għadda.

“In-nies li kien hawn qabli ħallejthom iħobbu lill-klabb. Iżda jekk kien hawn min ħalla riperkussjonijiet koroh, żgur li dan mhux il-mument li jiġi lura” 

Victor Camilleri tkellem ukoll dwar il-passat tal-klabb u dak li sab meta daħal fit-tmexxija. Hu qal li meta daħal fit-tmexxija ħalla l-bibien miftuħin għal kulħadd. Hu qal li meta xi ħadd ikun qed imexxi ma jistax ikun li jara l-interessi personali. Il-President qal li l-klabb qed jipproġetta li d-dejn li għandu jinqata’ fi żmien tliet snin, xi ħaġa li miexja tajba aktar milli mistenni.

“In-nies li kien hawn qabli ħallejthom iħobbu lill-klabb. Iżda jekk kien hawn min ħalla riperkussjonijiet koroh, żgur li dan mhux il-mument li jiġi lura. Irrid nagħmilha ċara li jien bqajt ħabib ma’ kulħadd, inkluż mal-ex President Redeno Apap. Il-klabb mhu ta’ ħadd u xi darba dawn in-nies jistgħu jerġgħu jirritornaw.

“Il-klabb kien midfun u erġajna qajjimnih. Għaddejna minn mumenti diffiċli ħafna. Dawn il-11-il partita li tlifna f’dan il-kampjonat ġabu dwejjaq kbar fija. Wara kull logħba kont nibqa’ sejjer dritt id-dar, nistħi niffaċċja lin-nies,” qal Camilleri.

“Bħalissa fl-MFA hemm dawn in-nies li qed imexxu. Sakemm hemm huma trid tagħmel u toqgħod għal dak li jgħidu huma biss” 

Il-President ta’ Qormi FC u l-kumplament ta’ sħabu fil-Kumitat dehru mweġġgħin b’dak li skont huma kien previst minn qabel li l-protest li resqu ftit tal-ġimgħat ilu kontra Birkirkara FC, ma kienx se jintlaqa’. Fl-istess ħin sorpriż li l-MFA bagħtet lura lill-klabb il-€250 li klabb irid iħallas meta jdaħħal protest.

“L-MFA dejjem bagħtet il-flus lura lill-klabb meta jirbaħ protest mhux meta jitlef. Sinċerament ma nistax nifhem x’ġara. Tlabna l-filmati tal-partita lill-MFA biex naraw jekk il-plejer kienx fuq il-bank. Staqsejna biex naraw is-CCTV cameras. Lanqas id-DVD tal-partita fl-ixkaffa tagħna ma sibna. Il-partita mhux qeda fuq is-sit tal-MFA ‘take a seat’. Inħeba kollox u dejjem sabu skuża minn fejn joħorġu. Is-Segretarju Ġenerali tal-MFA qalli li kien żball tar-referee,” qal Camilleri, b’referenza għal Dr Angelo Chetcuti.

Mistoqsi dwar kif il-klabb ta’ Qormi FC qed iħares lejn l-MFA u dwar il-mod suspettuż ta’ kif topera f’ċertu każi, Camilleri qal:

“Din li ż-żgħir fil-futbol dejjem jaqlagħha trid tispiċċa. Din trid tieqaf hawn darba għal dejjem. Bħalissa fl-MFA hemm dawn in-nies li qed imexxu. Sakemm hemm huma trid tagħmel u toqgħod għal dak li jgħidu huma biss,” qal Camilleri.

Fl-istess konferenza tkellem ukoll id-direttur tekniku Mario Muscat, li min-naħa tiegħu rringrazzja lill-plejers kollha li diġà taw servizz lill-klabb u wiegħed impenn massimu għat-tkomplija tal-istaġun.

Muscat qal li għalih ma kinitx deċiżjoni faċli li jitlaq lil Hibernians li qegħdin l-ewwel fil-klassifika biex jingħaqad ma’ klabb li jixtieq iżomm postu mal-kbar.

“Kont ma’ klabb biċ-ċans li jirbaħ il-kampjonat u tlaqt biex ġejt hawn. Ma kinitx faċli. L-għan ta’ dan l-istaġun hu li nevitaw ir-relegazzjoni. Il-klabb qed jaħdem biex ikollna tim kompetittiv. L-għan tal-futur jibqa’ li nżommu ruħna stabbli ma’ ta’ fuq,” qal Muscat.

Miktub minn...
TVM Sport
Aħbarijiet Oħra
Futbol lokali

Ir-referee Għawdxi Mario Apap inħatar bħala l-President il-ġdid tal-Malta Football Referees Association. Hu inħatar waqt laqgħa ġenerali oħra tal-assoċjazzjoni. Ishmael Barbara inħatar bħala Segretarju filwaqt li fir-rwol ta’ Viċi President,…

Futbol lokali

FUTBOL LOKALI Gżira United ippreżentaw l-iskwadra tagħhom għall-istaġun li ġej waqt konferenza stampa li saret ilbieraħ filgħaxija f’post tad-divertiment f’Tas-Sliema. Il-Maroons, li spiċċaw fit-tielet post tal-klassifika kemm fl-istaġun li għadda…

Futbol lokali

Sliema Wanderers ħabbru li akkwistaw lill-plejer mill-Arġentina Juan Cruz Gill. Id-difensur, li għandu wkoll ċittadinanza Taljana, lagħab f’pajjiżna ma’ Valletta u Tarxien Rainbows. Fil-passat, Crus Gill lagħab fil-Premier Division fl-Arġentina…

Aktar