Futbol lokali
Futbol tan-nisa: Telfa ta’ 3-0 għal Malta kontra l-Iżvezja fil-VisitMalta Women’s Trophy

VISITMALTA WOMEN’S TROPHY

Malta….0

Żvezja…3

Telfa ta’ 3-0 Malta kontra l-Iżvezja fit-tieni u l-aħħar partita mill-VisitMalta Women’s Trophy: it-tournament bejn erba’ timijiet nazzjonali Ewropej tan-nisa li ntlagħab fil-Hibernians Stadium f’dawn il-ħamest ijiem.

L-Iżvediżi ddominaw il-partita, bit-tfajliet Maltin kostretti jiddefendu għal ħinijiet twal u rari joħorgu minn nofs il-ground tagħhom. L-ewwel taqsima b’danakollu għalqet biss 1-0: bl-uniku goal skurjat wara 19-il minuta minn Kosovare Asslani li xellfet xutt minn barra l-kaxxa għal ġewwa.

L-Iżvezja rduppjaw mas-siegħa logħob b’auto-goal ta’ Charlene Zammit minn corner li xorta deher destinat għax-xibka: u wara li Hurtig laqtet il-mimduda bir-ras, 8 minuti mit-tmiem l-Iżvediżi ngħataw penalty għal intervent ta’ Zammit fuq Larsson, li minnu Nathalie Bjorn ma fallietx għat-tielet goal. Sat-tisfira finali l-Iżvezja laqtu l-lasta darbtejn oħra, b’Veronique Mifsud ittajjar ir-rebound minn fuq il-linja fit-tieni okkażjoni.

Il-coach tat-team nazzjonali Malti Mark Gatt qal li minkejja ż-żewġ telfiet kontra s-Slovakkja u l-Iżvezja, it-tournament kien esperjenza pożittiva qabel il-kwalifikazzjonijiet għat-Tazza tad-Dinja aktar tard dis-sena.

Miktub minn...
TVM Sport