Futsal: Dro ġust ta’ 5-5 fil-quċċata tal-Kampjonat Premier

1654591_703497196340024_1681809444_o

Logħba mill-aktar eċċitanti rat lil Hibernians u Luxol jaqsmu l-mertu fi dro ta’ 5-5.

Luxol amminstraw mill-ewwel il-partita meta fetħu l-iskor wara biss minuta permezz tal-plejer tagħhom William Barbosa.

Hibernians ġabu d-dro permezz ta’ David Bobokhidze wara ġirja tajba minn fuq ix-xellug.

Wara dan il-gowl, l-esperjenza tal-plejer u kowċ ta’ Luxol poġġiet lit-tim fil-vantaġġ għal 3-1, b’żewġ gowls ta’ Florin Anton.

Hibernians naqsu d-distakk minn ġmiel ta’ gowl tal-Brażiljan Celino Alves.

Minn hawn dehret evidenti r-reazzjoni ta’ Hibernians li ġabu d-dro ftit qabel tmiem l-ewwel taqsima, b’xutt fil-baxx ta’ Xavier Saliba.

Fit-tieni taqsima l-partita kienet aktar bilanċjata bil-gowls li ġew b’risposta immedjata għal xulxin.

William Barbosa reġa’ skurja u wettaq doppjetta personali, u tletin sekonda wara l-Pawlisti ġabu d-dro għal darb’oħra, meta minn korner fuq ix-xellug, Levan Kobaidzeli b’xutt mill-ewwel għeleb għal kollox lil gowlkiper Bjorn Vassallo.

Għal darb’oħra kien Levan Kobaidzeli li skurja l-ħames gowl għal Hibernians.

Kien għad fadal iċ-ċans biex William Barbosa għaqqad it-tripletta personali tiegħu u għamilhom 5-5.

Ir-riżultat finali kien ġust għaż-żewġ timijiet u ħalla l-kampjonat miftuħ beraħ kemm għal Hibernians, Luxol u anke għal Balzan.

Luxol: Bjorn Vassallo, Karl Saliba, Dean Gera, William Barbosa, George Frendo, Paul Bugeja, Noel Bray, Adrian Attard, Eslam Khalifa, Florin Anton, Ibrahim Tarek.
Hibernians: Brian Baldacchino, Christian Cassar, Celino Alves, Cedric Sciberras, Matthew Attard, Darren Agius, Melvin Borg, Jesmond Micallef, Xavier Saliba, Mark Zammit, David Bobokhidze, Levan Kobaidze.
Referee 1 : Franco Cachia
Referee 2: Jude Amin Utulu
Time-keeper:  Jonathan Balzan

Miktub minn...
Rodney Vassallo