Futsal – illejla l-isfida bejn Hibernians u Luxol

Illejla fil-Padiljun ta’ Kordin, Hibernians u Luxol se jkunu l-protagonisti tal-isfida fil-quċċata tal-kampjonat premier tal-futsal.

L-aħħar li ltaqgħu kien madwar erba’ xhur ilu fl-ewwel rawnd tan-knock out  fejn Hibernians kienu rebħu bl-iskor ta’ 1-0 bil-gowl tal-captain Xavier Saliba.

Kemm Hibernians u kif ukoll Luxol rebħu l-logħob kollu li kellhom s’issa fil-kampjonat Premier.

Il-plejer u kowċ ta’ Luxol Florin Anton meta mistoqsi dwar il-logħba tal-lejla qal li din se tkun logħba diffiċli għalihom għax Hibernians huma aktar favoriti minnhom.

Madanakollu Florin Anton qal li t-tim tiegħu wkoll għandu cans jirbaħ għax magħmul minn plejers ta’ esperjenza fil-futsal.

Minn naħa l-oħra Xavier Saliba qal li din il-logħba hija mportanti imma mhux deċiżiva. Għad fadal ħafna logħob x’jintlagħab u diffiċli tgħid minn issa min se jirbaħ il-kampjonat.

Il-logħba tal-lejla se tkun iebsa daqs dik kontra Balzan u se jagħmlu minn kollox biex jirbħu llum ukoll.

Bla dubju din il-partita se toffri spettaklu lid-dilettanti kollha Maltin tal-futsal.

Miktub minn...
Rodney Vassallo