Futbol lokali
Futsal: Jitħabbru r-rebbieħa tal-istaġun

Il-plejer ta’ Swieqi United Futsal Eduardo Garcia Riano ġie magħżul bħala l-FMA Futsal Plejer tas-sena fl-FMA Awards li saru t-Tnejn filgħaxija.

Riano, li għandu 21 sena, kellu staġun eċċezzjonali hekk kif għen lit-tim tiegħu Swieqi jaslu sal-finali tal-Elite għall-ewwel darba fl-istorja tagħhom. Tul l-istaġun kollu, Riano wera kwalitajiet mill-aqwa u flimkien ma’ sħabu żammew il-pass mal-isfidanti l-oħra għat-titlu Luxol St Andrews u Valletta FC.

Riano lagħab mas-selezzjoni tal-Bogota li ħa sehem ukoll fil-Bolivar National Games u l-kampjonat nazzjonali tal-futsal ta’ taħt il-21 sena.

Fil-votazzjoni li saret, Riano ġab 99 punt filwaqt li fit-tieni post spiċċa l-captain ta’ Luxol Mark Zammit li ġab 45 punt. Fit-tielet post Leanderson Lima tal-istess Luxol kiseb 42 punt.

Tħabbar ukoll li Mark Zammit ta’ Luxol u Stefi Cale ta’ Ta’ Xbiex FC spiċċaw bħala l-aqwa skorers tal-kampjonat b’Żurrrieq FC Futsal li ngħataw l-unur tal-fair play.

Luxol St Andrews rebħu l-kampjonat tal-Elite filwaqt li Mellieħa FC kisbu suċċess doppju bir-rebħ tal-kampjonat Amateur u ċ-Challenger Cup.

Miktub minn...
robert busuttil
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. JIkkummenta l-logħob tal-Kampjonat Premier. Jippreżenta l-programm 'Wara d-90Minuta' fuq Radju Malta 2'