Futbol lokali
Futsal: L-FMA tħabbar l-isponsor il-ġdid

L-assoċjazzjoni Maltija tal-Futsal organizzat konferenza stampa għall-ġurnalisti sabiex tħabbar l-isponsor il-ġdid tal-kampjonat tagħha għall-istaġun 2021/2022. Fil-fatt Enemed se jkun qed jikkollabora mal-FMA li għadha kemm għalqet għaxar snin mit-twaqqif tagħha.

F’diskors tal-okkażjoni, il-president tal-FMA il-perit Mark Borg qal li għall-assoċjazzjoni dan hu tragward importanti sabiex tintlaħaq il-viżjoni li tkompli tiżviluppa dan l-isport tant sabiħ. Borg qal li l-motivazzjoni li dejjem titjieb mhux biżżejjed u għalhekk dan is-sostenn finanzjarju se jgħin mhux ftit sabiex jinħoloq progress f’din il-logħba. Hu rringrazzja lil Enemed, kumpanija stabbilita tal-għajnuna finanzjarja li se tagħti lill-assoċjazzjoni.

Mark Borg kompla jgħid li l-kampjonat tas-sena l-oħra kien wieħed ferm eċitanti li ħalla lil kulħadd bla nifs sal-aħħar logħba. Hu qal li kien hemm livell tajjeb ta’ futsal bit-telespettaturi li kienu qed jaraw il-logħbiet permezz ta’ live streaming.

Borg temm jgħid li bħala assoċjazzjoni se jkomplu jgħinu lill-klabbs sabiex jiġi organizzat kampjonat ta’ livell u fuq kollox li jinkisbu aktar riżultati importanti fuq livell internazzjonali fejn f’dawn l-aħħar snin timijiet bħal Luxol u Valletta irnexxielhom jaslu sar-rawnd prinċipali tal-UEFA Futsal Champions League.

Hu temm jgħid li waħda mix-xewqat tiegħu hu li jinħoloq kampjonat ta’ taħt id-19-il sena li jikkumplimenta dak li qed isir fil-kategorija ta’ taħt is-16-il sena.

Tkellem ukoll il-kap eżekuttiv ta’ Enemed Kevin Chircop li qal li l-kumpanija tiegħu hi kuntenta li tgħin assoċjazzjonijiet bħal FMA li qed juru entużjażmu kbir sabiex ikabbru l-profil tal-logħba tagħhom. Hu qal li f’dawn l-aħħar xhur hu kien qed isegwi l-logħob tal-futsal b’ċertu interess u qed iħares ‘il quddiem għall-istaġun li ġej.

Fi tmiem il-konferenza sar l-iffirmar tal-ftehim bejn l-FMA u l-Enemed sabiex tkun l-isponsor ewlieni għall-kampjonat li ġej.

Miktub minn...
robert busuttil
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. JIkkummenta l-logħob tal-Kampjonat Premier. Jippreżenta l-programm 'Wara d-90Minuta' fuq Radju Malta 2'