Futbol lokali
Futsal: L-isfidanti għat-titlu jibdew b’rebħiet kbar

Luxol St Andrews u Valletta bdew bl-aħjar mod l-istaġun 2021/22 meta kisbu rebħiet kbar fl-ewwel ġurnata tal-Enemed National Futsal League.

Iż-żewġ timijiet huma meqjusa bħala l-isfidanti ewlenin għar-rebħ tat-titlu.

Luxol għelbu lil Naxxar Lions Futsal bl-iskor ta’ 10-0 f’logħba li huma ddominaw mill-bidu sal-aħħar. Mark Zammit, Andy Mangion u Maicon skorjaw żewġ gowls kull wieħed filwaqt li Carl Azzopardi, Celino Alves, Melvin Borg u Hebberth Bolt għaqqdu l-iskor għat-tim minn St Andrews.

Anke Valletta kellhom rebħa kbira ta’ 11-0 kontra Marsaskala. Għall-Beltin Zvezdan Vukovic u Karl Sciortino kienu protagonisti meta skorjaw hat-trick kull wieħed filwaqt li Aaron Montebello kien awtur ta’ doppjetta. Mill-banda l-oħra, Luke Gatt, Rodney Debono u Steven Camilleri niżżlu isimhom fost l-iskorers.

Ta’ Xbiex, fit-tieni parteċipazzjoni tagħhom fil-futsal lokali, kellhom rebħa tajba ta’ 8-1 kontra Żurrieq. L-attakkant veteran Glenn Bonello skorja hat-trick filwaqt li Stefi Cale kien awtur ta’ żewġ gowls. Ta’ Xbiex komplew jiskorjaw aktar gowls hekk kif Jonathan Caruana, Dexter O’Brien u Nigel Borg sabu x-xibka.

Gabriel Grima skorja l-uniku gowl għal Żurrieq.

Anke l-Universita’ ta’ Malta bdew bl-aħjar mod possibbli dan l-istaġun meta għelbu lid-debuttanti Siġġiewi Futsal bl-iskor ta’ 4-0. Bruno Fernandes skorja doppjetta filwaqt li Dale Valletta u Dylan Mintoff għaqqdu l-iskor għall-Universitarji.

Finalment Mellieħa fetħu bl-aħjar mod l-istaġun tagħhom b’rebħa tajba ta’ 5-2 kontra St Georges,

It-tim min-naħa ta’ fuq ta’ Malta kellhom lil Ervin Rigo f’forma brillanti hekk kif skorja hat-trick filwaqt li Dusan Petrovic u Gregory Busuttil kienu wkoll fost l-iskorers.

It-tim mill-Kottonera skorja l-gowls ta’ konsolazzjoni permezz ta’ Ivan Jovanovic u Matthew Scicluna.

Miktub minn...
robert busuttil
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. JIkkummenta l-logħob tal-Kampjonat Premier. Jippreżenta l-programm 'Wara d-90Minuta' fuq Radju Malta 2'