Futbol lokali
Futsal: Luxol b’rebħa kbira

Iċ-champions Luxol komplew fit-triq it-tajba hekk kif kisbu t-tieni rebħa konsekuttiva fl-Enemed Futsal League. L-istess għamlu l-Universita’ ta’ Malta, Mellieħa u Ta’ Xbiex li bir-rebħiet kbar li kellhom jinsabu b’punti massimi minn żewġ logħbiet.

Sadanittant it-tim debuttant ta’ Siġġiewi kiseb l-ewwel rebħa tiegħu fil-futsal bi stil wara logħba tajba li kellhom kontra Marsaskala.

Luxol St Andrews qed jippreparaw bi sħiħ sabiex jipparteċipaw fil-UEFA Futsal Champions League f’pajjiżna l-ġimgħa d-dieħla u l-ġimgħa li għaddiet għelbu lil Żurrieq bl-iskor kbir ta’ 22-0.

Carl Azzopardi u Dylan Musu kienu awturi ta’ ħames gowls, Marwan Telisi u Gia Nikvasvili skorjaw hat-trick, Melvin Borg u Andy Mangion kienu awturi ta’ doppjetta filwaqt li l-captain Mark Zammit għaqqad l-iskor għat-tim minn St Andrews.

Mellieħa għaddejjin minn mument tajjeb u dan ġie kkonfermat bit-tieni rebħa konsekuttiva hekk kif għelbu lil Qormi Futsal 11-0.

L-iskorer prolifiku tagħhom Ervin Rigo kien awtur ta’ ħames gowls filwaqt li Robert Veskimae skorja doppjetta. Marinko Solarevic, Gregory Busuttil, Shataizan Zarb, Andrew Abela u Denzil Pisani wkoll niżżlu isimhom fil-lista tal-iskorers.

Ta’ Xbiex kisbu rebħa kbira ta’ 13-3 kontra St George’s. Huma ddominaw ħafna mill-partita u ma kinitx sorpriża li rebħu dan il-konfront.

L-attakkant Albaniż Stefi Cale skorja erba’ gowls, George Frendo u Jonathan Caruana skorjaw doppjetta b’Nigel Borg, Glenn Bonello, Karl Scerri, Dexter O’Brien u Joshua Tonna jkunu wkoll fost l-iskorers.

St George’s irrispondew b’gowls ta’ Dylan Sammut, Charvon Gatt u Ivan Jovanovic.

L-Universita’ ta’ Malta kisbu rebħa tajba ta’ 4-1 kontra Naxxar Futsal. Din kienet it-tieni rebħa għall-Universitarji li skorjaw il-gowls tagħhom permezz ta’ Essa Benatiya, Stefan Camilleri, Paul Scerri u Bruno Fernandes.

Siġġiewi kisbu l-ewwel rebħa tagħhom fil-kampjonat meta għelbu lil Marsaskala bl-iskor ta’ 5-2.

Is-Siġġiwin kienu determinati li jiksbu t-tliet punti minn dan il-konfront u skorjaw il-ħames gowls tagħhom permezz ta’ Jean Lopes Leite, Dale Vella, Wallace Oliveira, Ryan Muscat u Kurt Darmanin.

Marsaskala skorjaw iż-żewġ gowls ta’ konsolazzjoni b’doppjetta ta’ Denim Pisani.

KLASSIFIKA:

Luxol, Ta’ Xbiex, Mellieħa, University of Malta 6, Valletta, Siġġiewi 3, Naxxar Lions, Marsaskala, Żurrieq, St Georges, Qormi 0

Miktub minn...
robert busuttil
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. JIkkummenta l-logħob tal-Kampjonat Premier. Jippreżenta l-programm 'Wara d-90Minuta' fuq Radju Malta 2'