Futsal
Futsal: Luxol u Swieqi jiltaqgħu llejla f’konfront dirett

Il-kompetizzjonijiet lokali tal-futsal ikomplu llejla wara nuqqas ta’ tliet xhur minħabba r-restrizzjonijiet relatati mal-COVID-19.

Tispikka l-partitissima bejn Luxol u Swieqi li se tintlagħab fil-Padiljun tal-Iskola Nazzjonali tal-Isport f’Pembroke u tibda fi 8.45pm.

Swieqi jinsabu fl-ewwel post tal-klassifika meta għandhom 28 punt minn għaxar logħbiet. Huma kellhom kampjonat pożittiv ferm matul dan l-istaġun u t-test li għandhom kontra ċ-champions preżenti Luxol għandu jiddetermina l-kwalita’ ta’ dan it-tim. Dawn tal-aħħar kisbu 25 punt minn disa’ partiti u qed jittamaw li jkomplu jżommu t-titlu li rebħu f’dawn l-aħħar snin.

Sadanittant fis-6pm fil-Padiljun ta’ De La Salle,  Ta’ Xbiex jaffrontaw lill-Universita’ ta’ Malta biż-żewġ timijiet li għandhom l-istess numru ta’ punti fil-klassifika.

Wara li t-timijiet ikunu lagħbu l-11-il partita tagħhom tal-ewwel rawnd, tibda l-fażi deċiżiva li twassal għall-finali li se tintlagħab fil-25 ta’ Ġunju li ġej u li għandha tiddetermina r-rebbieħ tal-kampjonat 2020/21 kif ukoll it-tim parteċipant għall-UEFA Futsal Champions League.

Sadanittant fi stqarrija, l-FMA irringrazzjat lill-klabbs kollha affiljati magħha li flimkien baqgħu jippersistu sabiex l-istaġun ikompli sal-aħħar.

Miktub minn...
robert busuttil
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. JIkkummenta l-logħob tal-Kampjonat Premier. Jippreżenta l-programm 'Wara d-90Minuta' fuq Radju Malta 2'