Futsal
Futsal: Luxol u Valletta joffru spettaklu fil-partitissima tal-ġimgħa

Iż-żewġ ġganti tal-futsal Malti Luxol u Valletta offrew konfront ferm akkanit hekk kif il-logħba ta’ bejniethom spiċċat fi dro eċitanti ta’ 5-5. Kienet logħba klassika bejn żewġ timijiet li s’issa kellhom rekord perfett matul dan l-istaġun hekk kif rebħu l-partiti kollha li lagħbu.

Kemm Valletta kif ukoll Luxol kellhom fl-iskwadra tagħhom bosta plejers ta’ isem u dan kollu kkontribwixxa għall-konfront mill-isbaħ.

Kienet ukoll logħba fejn il-Beltin irnexxielhom imorru fil-vantaġġ għal aktar minn darba għalkemm iċ-champions Maltin kienu bravi biżżejjed sabiex iġibu l-iskor indaqs.

It-tim mill-kapitali kellhom lill-aħjar plejers fil-court Zvezdan Vukovic u Shimada Tairoku li skorjaw doppjetta kull wieħed filwaqt li Nicola del Re żied ieħor għat-tim tagħhom.

Luxol kellhom lil Andy Mangion awtur ta’ doppjetta b’Celino Alves, Mark Zammit u Leanderson Sant’Anna jniżżlu isimhom fil-lista tal-iskorers.

Tlett ijiem wara, il-Beltin kisbu rebħa oħra ta’ 4-2 kontra Mellieħa. Dawn tal-aħħar ħabbtu mhux ftit lill-avversarji tagħhom hekk kif lagħbu futsal ferm sabiħ. Zvezdan Vukovic, Melvin Borg, George Frendo u Ryan Gatt skorjaw il-gowls l-aktar importanti għal Valletta b’Joshua Tonna u Ervin Rigo jnaqqsu l-marġni tal-iskor għat-tim mit-tramuntana ta’ Malta.

Swieqi United komplew bil-mument pożittiv tagħhom hekk kif għelbu lil Ibraġġ Futsal bl-iskor ta’ 15-2 u lil St Georges 8-0 rispettivament. B’hekk Swieqi għaqqdu t-tmien rebħiet minn daqstant partiti. Fil-logħba kontra Ibraġġ, għalihom spikka l-attakkant tagħhom Karl Sciortino li kien awtur ta’ erba’ gowls b’Rodney Debono jiskorja tliet gowls. Mill-banda l-oħra Eduardo Riano, Andre Cachia u Aaron Montebello skorjaw doppjetta filwaqt li Michael Borg u Matthew Buhagiar għaqqdu l-iskor għal Swieqi.

Min-naħa tagħhom, Ibraġġ skorjaw il-gowls ta’ konsolazzjoni minn Jurgen Ciantar u Jurgen Gauci.

Fil-logħba kontra St Georges, Steven Camilleri skorja hat-trick, Aaron Montebello kien awtur ta’ doppjetta filwaqt li Eduardo Riano, Andre Cachia u awtogowl għaqqdu l-iskor favurihom.

Fi dwell bejn żewġ timijiet min-naħa t’isfel tal-klassifika, kienu Naxxar Lions li kisbu rebħa prezzjuża meta għelbu lil Żurrieq Futsal bl-iskor ta’ 7-5. Għan-Naxxarin għal darb’oħra spikka l-plejer tagħhom Jean Noel Buttigieg li kien awtur ta’ ħames gowls b’Matthew Buttigieg li skorja doppjetta.

Għaż-Żrieraq Tyrone Borg u Karl Sacco skorjaw żewġ gowls filwaqt li Sean Seisun Vella żamm lit-tim tiegħu fil-logħba għalkemm fl-aħħar mill-aħħar naqsu milli jieħdu xi ħaġa minn din il-partita.

Miktub minn...
robert busuttil
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. JIkkummenta l-logħob tal-Kampjonat Premier. Jippreżenta l-programm 'Wara d-90Minuta' fuq Radju Malta 2'