Futbol lokali
Futsal: Mellieħa jirbħu l-FMA Amateur Cup

Mellieħa Futsal huma r-rebbieħa tal-FMA Amateur Cup wara li l-Ġimgħa filgħaxija għelbu lil Ta’ Xbiex Futsal bl-iskor ta’ 5-2.

Iż-żewġ timijiet offrew konfront ferm eċitanti u bilanċjat li laħaq il-qofol tiegħu fit-tieni taqsima tant li ġew skorjati ħames gowls.

Mellieħa ħadu biss minuta biex marru fil-vantaġġ permezz ta’ Ervin Rigo li daħal tajjeb għall-korner ta’ Shataizan Zarb.

Ta’ Xbiex marru mal-ewwel fuq l-attakk fi tfittxija għall-gowl tad-dro u rnexxielhom jagħmlu dan ftit tal-minuti wara permezz ta’ Stefi Cale li rċieva tajjeb mingħand Kurt Bartolo.

Bl-ewwel taqsima tagħlaq 1-1.

Fit-tieni taqsima, Mellieħa ħarġu tajjeb u marru fil-vantaġġ permezz tas-sostitut Gregory Busuttil li għeleb lil Neil Cuschieri bejn il-lasti ta’ Ta’ Xbiex. Dawn tal-aħħar dehru maħsuda u ma kinitx sorpriża li qalgħu t-tielet wieħed wara xutt fil-baxx ta’ Denzil Pisani li għeleb lil Cuschieri.

Ta’ Xbiex daħlu fil-logħba tliet minuti minn tmiem il-konfront permezz ta’ Glenn Bonello. Kien hawn li l-kowċ Daniel Brincat daħħal lil Kurt Bartolo bħala flying keeper fit-tentattiv li jġib id-dro drammatiku.

Minkejja kollox, kienu Mellieħa li skorjaw darbtejn oħra f’lasta kompletament vojta permezz ta’ Ervin Rigo u Chris Cardona li ssiġġillaw ir-riżultat finali.

Fi tmiem il-konfront il-president tal-FMA il-perit Mark Borg ippreżenta t-tazza lill-captain ta’ Mellieħa Futsal Ryan Xuereb.

Wara din ir-rebħa, Mellieħa se jippruvaw jirbħu l-aħħar unur tal-istaġun meta jaffaċċjaw lill-Universita’ ta’ Malta fil-finali taċ-Challenger Cup.

Miktub minn...
robert busuttil
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. JIkkummenta l-logħob tal-Kampjonat Premier. Jippreżenta l-programm 'Wara d-90Minuta' fuq Radju Malta 2'