Futsal
Futsal: Mellieħa jkomplu jikkonvinċu

It-tim debuttant ta’ Mellieħa qed ikomplu jikkonvinċu fil-kampjonat nazzjonali tal-Futsal meta b’wirja verament tajba huma għelbu lil Naxxar Lions bl-iskor ta’ 5-2. Hekk kif intlagħbet ir-raba’ ġurnata ta’ dan il-kampjonat Luxol u Valletta komplew għaddejjin bir-rebħ u qed jokkupaw l-ogħla pożizzjonijiet tal-klassifika. Mill-banda l-oħra, Żurrieq kisbu l-ewwel rebħa tal-istaġun b’rebħa drammatika kontra Marsaskala.

Kif għedna Mellieħa kisbu t-tielet rebħa minn erba’ partiti meta fil-Padiljun ta’ De La Salle huma għelbu lil Naxxar Lions 5-2. Dawn tal-aħħar kienu qed isofru r-raba’ telfa minn daqstant partiti għalkemm bħas-soltu taw wirja qalbiena fil-court.  Wara vantaġġ komdu, Mellieħa rrilassaw u kien fl-aħħar minuti li Naxxar wettqu reazzjoni  għalkemm kien tard wisq.

Denzil Pisani u Armando Gjepali kienu awturi ta’ doppjetta filwaqt li Dusan Petrovic żied ieħor għat-tim min-naħa ta’ fuq ta’ Malta. Jean Noel Azzopardi skorja ż-żewġ gowls tan-Naxxarin.

Luxol baqgħu jżommu r-rekord perfett matul dan l-istaġun wara rebħa kbira ta’ 17-2 kontra Qormi Futsal. Il-plejer Brażiljan Veve skorja erba’ gowls filwaqt li Mark Zammit u Giancarlo Sammut wettqu hat-trick. Dylan Musu u Marwan Telisi skorjaw doppjetta b’Celino Alves, Andy Mangion u Evandro iniżżlu isimhom fil-lista tal-iskorers. Qormi naqqsu l-marġni tal-iskor permezz ta’ George Chircop u Luiz Lopez.

Melvin Borg kien il-protagonist assolut ta’ Valletta hekk kif għenhom jirbħu lil Ta’ Xbiex 6-3. Dawn tal-aħħar taw sehemhom sabiex jagħmlu l-logħba waħda verament sabiħa fejn qatt ma ċedew kontra l-avversarji ferm ikkwotati minnhom. Finalment kienu l-Beltin li kisbu dak li xtaqu sabiex issa jinsabu biss żewġ punti bogħod mil-liders Luxol.

Ta’ Xbiex skorjaw it-tliet gowls tagħhom grazzi għal Glenn Bonello, Stefi Cale u Jason Gauci.

Zvezdan Vukovic żied ieħor għal Valletta.

Matul din il-ġimgħa Marsaskala Futsal kienu nvoluti f’żewġ logħbiet kontra l-Universita’ ta’ Malta u Żurrieq għalkemm naqsu li jieħdu xi punti minnhom.

Fl-ewwel partita li lagħbu huma kienu ddominati mill-Universita’ ta’ Malta tant li tilfu bl-iskor kbir ta’ 7-0. F’din il-logħba Stefan Camilleri skorja hat-trick filwaqt li Mauro Sultana, Dylan Mintoff, Denis di Maio u Neil Cauchi żiedu l-iskor għall-Universitarji.

Min-naħa l-oħra, it-tim min-naħa t’isfel ta’ Malta taw wirja aħjar fit-tieni logħba li lagħbu s-Sibt għalkemm tilfu 7-5 kontra Żurrieq. Dawn tal-aħħar kienu qed jiċċelebraw l-ewwel punti tal-istaġun wara tliet telfiet konsekuttivi. Terence Cachia kien awtur ta’ doppjetta filwaqt li Tyron Borg, Christian Lia u awto-gowl għaqqdu l-iskor għal Żurrieq.

Marsaskala skorjaw il-ħames gowls tagħhom b’doppjetta ta’ Gianluca Lo Giudice, Dylan Caruana, Ryan Pisani u awto-gowl.

KLASSIFIKA

Luxol 12, Valletta 10, Mellieħa 9, Swieqi, Ta’ Xbiex, Universita’ ta’ Malta 6, Ibraġġ 4, Żurrieq, Marsaskala, Qormi 3, Naxxar Lions, St George’s 0

Miktub minn...
robert busuttil
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. JIkkummenta l-logħob tal-Kampjonat Premier. Jippreżenta l-programm 'Wara d-90Minuta' fuq Radju Malta 2'