Futsal
Futsal: Swieqi jirbħu konfront dirett

Swieqi United kisbu tliet punti ferm importanti fit-taqtiegħa tagħhom għall-ogħla postjiet tal-klassifika meta għelbu sfida diretta kontra l-Universita’ ta’ Malta. Min-naħa l-oħra l-isfidanti Luxol u Valletta wkoll kisbu rebħiet importanti f’din is-seba’ ġurnata tal-kampjonat FMA tal-futsal.

Kif għedna, Swieqi United għelbu l-isfida diretta tal-Universita’ ta’ Malta meta rebħulhom bl-iskor ta’ 4-1. Kienet logħba ferm interessanti u akkanita li offriet emozzjonijiet kbar bi Swieqi jkunu t-tim li jidħak l-aħħar daħka. Min-naħa tal-Universita’, huma ppruvaw iwettqu reazzjoni iżda l-avversarji tagħhom skorjaw fl-iktar mumenti kruċjali tal-logħba.

Kien Robert Stoyanov li poġġa lil Swieqi fil-vantaġġ sabiex l-ewwel taqsima ntemmet bl-iskor ta’ 1-0. Fit-tieni taqsima, Swieqi rduppjaw l-iskor permezz ta’ Riano Garcia, b’Karl Sciortino jżid ieħor għat-tim tiegħu.

L-Universita’ baqgħu jinsistu minkejja dan l-iżvantaġġ u naqqsu l-marġni tal-iskor permezz ta’ free-shot ta’ Denis di Maio.

Minkejja kollox, kienu Swieqi li ssiġġillaw ir-rebħa proprju fl-aħħar sekonda tal-logħba b’Karl Sciortino jiffirma doppjetta personali.

Min-naħa l-oħra Luxol St Andrews baqgħu jżommu r-rekord perfett tagħhom hekk kif rebħu żewġ logħbiet f’temp ta’ tlett ijiem. Fl-ewwel logħba li lagħbu, it-tim minn St Andrews kellu skor kbir ta’ 17-1 kontra Marsaskala b’Mark Zammit jispikka b’erba’ gowls filwaqt li Maicon, Andy Mangion u Gia Nikvashvili kienu awturi ta’ hat-trick kull wieħed. Finalment Carl Azzopardi skorja doppjetta b’Giancarlo Sammut u Emil Raducu jgħaqqdu l-iskor għat-tim tagħhom. Marsaskala naqqsu l-marġni tal-iskor b’awtogowl.

Tlett ijiem wara, it-tim minn St Andrews kiseb rebħa oħra tajba ta’ 10-1 kontra Naxxar Lions. Hawnhekk spikka Carl Azzopardi li kien awtur ta’ hat-trick, b’Maicon, Giancarlo Sammut, Emil Raducu, Dylan Musu u Veve jgħaqqdu l-iskor għat-tim tagħhom.

Marsaskala kellhom telfa oħra iebsa ta’ 15-1 kontra sfidanti oħra għar-rebħ tal-kampjonat iġifieri Valletta. Hawnhekk it-tim mill-belt kapitali Maltija ddominaw għalkollox din il-partita b’Shimada Tairoku, George Frendo u Melvin Borg jiskorjaw hat-trick. Min-naħa l-oħra Claudio Venuto skorja doppjetta filwaqt li Sergio Hili, Zvezdan Vukovic, Daniel Mifsud u Ryan Gatt għaqqdu l-iskor għall-Beltin. Kien Josef Balzan li kien awtur tal-uniku gowl tal-Iskalin.

Ta’ Xbiex kisbu r-raba’ rebħa staġjonali meta għelbu lil Qormi Futsal bl-iskor ta’ 5-0. Stefi Cale kompla jikkonferma l-forma tajba li għaddej minnha hekk kif skorja doppjetta. Christian Wismayer, Jason Gauci u Glenn Bonello ikkonfermaw ir-rebħa għat-tim tagħhom.

L-istess Ta’ Xbiex għamluhom żewġ rebħiet minn daqstant partiti meta għelbu lil St Georges 7-1. Stefi Cale skorja tliet oħra anke f’din il-partita bi Glenn Bonello, Matthew Fenech, Jason Gauci u Bernard Sciberras jissiġġillaw ir-rebħa favur it-tim tagħhom.

Finalment Mellieħa Futsal għelbu lil Ibraġġ 8-1. Għat-tim min-naħa ta’ fuq ta’ Malta Ervin Rigo kompla jispira lit-tim tiegħu bi tliet gowls b’Armando Gjepali jiskorja doppjetta. Joshua Tonna, Gregory Busuttil u Shataizan Zarb niżżlu isimhom fil-lista tal-iskorers b’Ryan Buhagiar inaqqas l-iskor għall-Ibraġġ.

Miktub minn...
robert busuttil
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. JIkkummenta l-logħob tal-Kampjonat Premier. Jippreżenta l-programm 'Wara d-90Minuta' fuq Radju Malta 2'