Futbol lokali
Futsal: Ta’ Xbiex u Mellieħa fil-finali tal-Amateur Cup

Ta’ Xbiex u Mellieħa kisbu post fil-finali tal-FMA Futsal Amateur Cup ta’ nhar il-Ġimgħa li ġej meta kisbu rebħiet tajbin fis-semifinali li ntlagħbu fil-Padiljun tal-Iskola Nazzjonali tal-Isport.  

Għal dawn iż-żewġ timijiet dan kien suċċess doppju peress li lagħbu fl-ewwel staġun tagħhom fil-futsal lokali.  

Mellieħa għelbu lil Naxxar Lions bl-iskor 6-2 f’partita ferm interessanti bejn żewġ timijiet li wrew entużjażmu kbir tul l-40 minuta logħob. Minkejja kollox, kienu t-tim min-naħa ta’ fuq ta’ Malta li ħarġu rebbieħa b’Ervin Rigo u Joshua Tonna f’forma mill-aqwa hekk kif skorjaw doppjetta kull wieħed. Min-naħa l-oħra, Shataizan Zarb u Gregory Busuttil niżżlu isimhom fil-lista tal-iskorers.  

Anke Ta’ Xbiex qatgħu l-biljett tagħhom għall-finali ta’ nhar il-Ġimgħa meta għelbu lil St George’s bl-iskor ta’ 7-4. Kienet partita ferm eċitanti fejn għal Ta’ Xbiex spikka l-attakkant veteran Christian Wismayer li skorja hat-trick. Stefi Cale żamm l-appuntament mal-gowl hekk kif skorja doppjetta b’Matthew Fenech u Kurt Bartolo jgħaqqdu l-iskor għat-tim tagħhom. 

Il-finali tal-FMA Amateur Cup se tintlagħab nhar il-Ġimgħa li ġej fil-Padiljun tal-Iskola Nazzjonali tal-Isport u tibda fi 8.45pm

Miktub minn...
robert busuttil
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. JIkkummenta l-logħob tal-Kampjonat Premier. Jippreżenta l-programm 'Wara d-90Minuta' fuq Radju Malta 2'