Futsal – Valletta jgħaddu għal-finali tas-Super Cup wara rebħa konvinċenti fuq Ħamrun S

Futsal

Għall-ewwel darba fil-futsal lokali, Valletta u Ħamrun kellhom konfront bejniethom sabiex jieħdu post Balzan li kienu rebħu l-kompetizzjoni Knock Out tal-istaġun li għadda.

Din il-logħba ntlagħbet quddiem attendenza tajba iżda bi ftit partitarji Ħamruniżi, għaliex fl-istess ħin l-Ispartans kienu fl-azzjoni fil-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni tal-futbol.

Ħamrun ma kienux biss nieqsa mis-sapport imma naqsu wkoll milli jkunu perikolużi kontra Valletta li ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 11-4.

Il-Beltin kienu ferm dominanti u aktar ma għadda l-ħin saru organizzati, bil-gowlkiper Neil Cuschieri li kellu wirja mill-aqwa.

Spikka fuq kulħadd l-eks plejer Ħamruniż Mohamed Abdussalam Elamari li skurja erba’ gowls, bi tnejn minnhom skurjati f’temp ta’ ħames sekondi.

Għall-Beltin kellna wkoll doppjetti ta’ Denis Di Maio u Jovica Milijic, flimkien mal-gowls ta’ Melvin Borg, Christian Cuadros Silva u Liam Cachia.

Il-gowls Ħamruniżi waslu permezz ta’doppjetta ta’ Raphael Felipe Ortiz de Oliveira u gowls ta’ Rodrigo Ticz Patricio u Michel Melo.

Għalhekk issa Luxol li huma r-rebbieħa tal-kampjonat li għadda, se jilqgħu lill-Valletta fil-finali tas-Super Cup, li tintlagħab nhar il-Ġimgħa li gej fit-tmienja ta’ filgħaxija, fil-Padiljun Sportiv ta’ Kordin.

Formazzjonijiet

Valletta: Neil Cuschieri (GK); Matthew Mifsud (GK); Jovica Milijic; Christian Cuadros Silva; Melvin Borg; Mohamed Abdussalam Elamari; Xavier Saliba (C); Dylan Musu; Denis Di Maio; Daniel Brincat; Liam Cachia; Alex Ellul; Jurgen Pace; Jesmond Micallef.

Ħamrun: Eslam Khalifa; Gabriel Manuseto (GK); Michel Melo Jose; Brian Baldacchino (GK); Marwan Telisi; Robert Fenech; George Frendo; Rodrigo Ticz Patricio; Jason Mifsud; Raphael Felipe Ortiz de Oliveira; Daniel Mifsud

Miktub minn...
Rodney Vassallo