Futsal
Futsal: Valletta jibdew il-playoff finals b’rebħa kontra Luxol

FUTSAL MALTA ASSOCIATION 2017/18

PLAYOFF FINALI

Valletta…………5

Luxol……………1

Valletta jirbħu l-ewwel finali bl-aqwa minn tlieta tal-kampjonat Elite, meta għelbu lil Luxol bl-iskor ta’ 5-1. Il-Beltin sa’ mill-bidu kienu magħqudin u determinati li ma jagħtux ċans lill-avversarji tagħhom.

Fit-tnax-il minuta, kien il-plejer Ġorġjan Gia Nikvashvili li fetaħ l-iskor u poġġa lil Valletta fil-vantaġġ. Daqs minuta wara Andy Mangion għamel l-iskor indaqs u hekk intemmet l-ewwel taqsima.

Fit-tieni taqsima, Valletta komplew fejn ħallew aktar qabel u wara biss żewġ minuti, reġa’ kien Nikvasvili li poġġa lill-Beltin fil-vantaġġ. Ftit wara, kien imiss lill-Kolumbjan Camilo Andres Gomez Vanegas li għamilhom 3-1. Nikvashvili għaqad tripletta personali u Dylan Musu ssiġġilla r-riżultat finali ta’ 5-1.

Il-ġimgħa d-dieħla, Valletta u Luxol jerġgħu jkunu protagonisti fit-tieni finali tal-kampjonat Elite. Dakinhar jew Valletta jikkonfermaw ir-rebħ tal-kampjonat Elite jew Luxol joħorġu rebbieħa biex kollox jiġi deċiż fit-tielet u l-aħħar sfida.

Mill-Ewwel Diviżjoni, Mriehel ESS u Tarxien JMI għamluha għal-finali tal-Play Offs, wara li għelbu lil Pietà Nordiska u t-tim tal-Università ta’ Malta rispettivament.

Fl-ewwel semifinali, Mriehel ESS għelbu lil Pietà Nordiska bl-iskor ta’ 2-1. Kienu Pietà li fetħu l-iskor, għoxrin sekonda mit-tmiem tal-ewwel taqsima, permezz ta’ Nikolay Filipov. Christian Micallef għamel l-iskor indaqs u daħħal lil Mriehel ESS fil-logħba. L-istess Mriehel ESS qatgħu l-passaġġ għall-finali, bil-gowl tar-rebħa skurjat minn Faisal Alnakoo u li wasal tletin sekonda mit-tisfira finali.

Fit-tieni semifinali, Tarxien JMI għamluha għall-finali wara taqtigħa interessanti ta’ 4-4 kontra t-tim tal-Università ta’ Malta. B’dan ir-riżultat, iż-żewġ timijiet marru minnufih għall-għoti tal-penalties, li minnhom Tarxien JMI ħarġu rebbieħa 3-1.

It-tim tal-Università kienet qed igawdi vantaġġ ta’ 3-0, b’doppjetta ta’ Shawn Deguara u gowl ta’ Jose Maria Aguilera Castellano. Fit-tieni taqsima Tarxien JMI qamu għall-okkażjoni, billi naqsu l-iskor b’gowl ta’ Craig Pickard u awtogowl ta’ Dylan Cacciatolo. Fit-30 minuta, Dusan Rakic reġa’ qawwa t-tamiet lill-Universitarji. Għaldaqstant Manuel Caruana u Claudio Venuto reġgħu ġabu l-iskor indaqs.

Fl-għoti tal-penalties, għal Tarxien JMI skurjaw Radovan Duric, Uros Markovic u Armando Djepali. Filwaqt li għall-Universitarji skurja Dusan Rakic iżda qablu falla Jose Maria Aguilera Castellano.

Matul il-ġimgħa d-dieħla jkollna dawn il-logħbiet:

Il-Finali tal-Play Offs tal-Ewwel Diviżjoni

Il-Ħamis 22/3/18

Fit-8:00 pm Mriehel ESS vs Tarxien JMI

It-Tieni Finali tal-Play Offs tal-Elite

Il-Ġimgħa 23/3/18

Fit-8:00 pm Valletta vs Luxol

Miktub minn...
Sandro Micallef
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. Jippreżenta l-programm Sports Panorama.
Aħbarijiet Oħra
Futsal

Luxol u Valletta temmew il-logħbiet tagħhom ta’ qabel il-Play Offs, billi għelbu lil Hamrun Tre Angeli u Mriehel ESS rispettivament. Dan fisser li ż-żewġ timjiet komplew jaqsmu flimkien l-ewwel post…

Futsal

Ingħatat bidu għat-tieni fażi tal-kampjonat tal-futsal, bi tliet logħbiet mill-Ewwel Diviżjoni. It-tim tal-Università ta’ Malta għeleb lit-tim ta’ taħt il-21 sena ta’ Swieqi United bl-iskor ta’ 4-1. L-Universitarji kienu tattikament…

Futsal

Il-logħba bejn it-tim tal-Università u Swieqi United, kienet waħda deċiżiva għal min se jokkupa t-tielet post f’din il-ġimgħa. Dro bejn dawn iż-żewġ timijiet poġġa lil Swieqi waħedhom fit-tielet post, bi…

Aktar