Futsal
Futsal: Valletta u Luxol mill-ġdid fil-finali tal-Elite

Valletta u Luxol mill-ġdid fil-finali tal-Elite, wara li rebħu wkoll it-tieni leg tas-semifinali tal-Play Offs kontra Hamrun Tre Angeli u Swieqi United rispettivament.

Il-Beltin marru mill-ewwel fuq l-offensiva u kisbu vantaġġ doppju permezz tal-Kolumbjan Camilo Andres Gomez Vanegas u Melvin Borg. Fit-tieni taqsima kellna żewġ gowls oħra mit-tim tal-Kapitali minn Redeemer Borg u għal darb’oħra Melvin Borg. Żewġ minuti mit-tmiem, il-Ħamruniżi naqsu d-distakk b’gowls ta’ Stefan Camilleri u Daniel Mifsud. B’hekk Valletta ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 4-2 u b’aggregate ta’ 9-3.

Luxol aċċertaw posthom ukoll fil-finali meta għelbu lil Swieqi United bl-iskor ta’ 4-1 u aggregate ta’ 10-2. It-tim minn St. Andrew’s fetaħ l-iskor permezz ta’ Zvezdan Vukovic u hekk intemmet l-ewwel taqsima. Bidu tajjeb tat-tieni taqsima għal Swieqi United ġabu l-iskor indaqs permezz taż-żagħżugħ Aidan Micallef, iben Christian Micallef li jilgħab ma’ Mriehel ESS. Għaldaqstant Luxol riedu jagħmlu ċert li jirbħu din is-semi finali b’doppjetta ta’ Andy Mangion u gowl ta’ Gian Carlo Sammut.

B’hekk issa Valletta u Luxol jikkontestaw bejniethom ir-rebħ tal-kampjonat fil-finali, bl-aqwa minn tliet logħbiet.

Matul din il-ġimgħa mill-Ewwel Diviżjoni, it-tim tal-Università ta’ Malta kellu żewġ logħbiet, fejn għeleb lil Pietà Nordiska bl-iskor ta’ 7-2 u tilef kontra Qormi bl-iskor ta’ 5-4.

Fl-ewwel logħba l-Universitarji kellhom tripletta ta’ Jose Maria Aguilera Castallano, doppjetta ta’ Nermin Hasanbegovic u gowl kull wieħed għal Shawn Deguara u Rodney Debono. Sean Vella u Ricardo Ortega Toro skurjaw għat-tim ta’ Pietà.

Fil-logħba l-oħra, Qormi rebħu r-raba’ rebħa konsekuttiva fi tmiem dan l-istaġun b’tripletta ta’ Antoine Galea u gowl kull wieħed għal Miguel Alcaraz, Patrick Barbara u Bertram Azzopardi. Għall-Universitarji li kienu 3-0 minn fuq, skurja tliet darbiet Jose Maria Aguilera Castellano u gowl kull wieħed għal Nermin Hasanbegovic u Daniel Zahra.

Fil-klassifika tal-Ewwel Diviżjoni qabel il-play offs insibu l-Università ta’ Malta bi 32 punt, Tarxien JMI bi 30 punt, Pietà Nordiska 27, Qormi 21, Swieqi United U21 u Marsaskala b’disa’ punti, u l-Junior College bla ebda punt.

Matul il-ġimgħa d-dieħla jkollna dawn il-logħbiet:

Mill-Play Offs tal-Ewwel Diviżjoni

Il-Ħamis 15/3/18

Fit-8:00 pm Mriehel ESS vs Pietà Nordiska

Fid-9:15 pm L-Università ta’ Malta vs Tarxien JMI

L-Ewwel Finali tal-Play Offs tal-Elite

Il-Ġimgħa 16/3/18

Fit-8:00 pm Luxol vs Valletta

Miktub minn...
Mark Attard
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirraporta l-football lokali u internazzjonali. Jippreżenta l-programmi UEFA Europa League Highlights u UEFA Champions League Highlights.
Aħbarijiet Oħra
Futsal

FUTSAL MALTA ASSOCIATION 2017/18 KO FINAL Jinżel is-siparju fuq il-futsal lokali, hekk kif il-Ġimgħa filgħaxija fil-Padiljun Sportiv ta’ Kordin, intlagħbet il-finali tan-Knock Out bejn Luxol u t-tim tal-Università ta’ Malta….

Futbol internazzjonali, Futbol lokali, Futsal

Futsal

Luxol u Valletta jkomplu jżidu fir-rebħ u jibqgħu jaqsmu flimkien l-ewwel post tal-Elite. Luxol għelbu lil Swieqi United bl-iskor ta’ 8-1. Fl-ewwel taqsima Luxol kellhom vantaġġ komdu ta’ 4-0, b’gowls…

Aktar