Futsal
Futsal: Valletta u Swieqi jispiċċaw dro f’logħba eċitanti

Valletta u Swieqi offrew emozzjonijiet kbar fil-partitissima ta’ tmiem il-ġimgħa hekk kif spiċċaw fi dro ta’ 5-5. Kienet partita ferm sabiħa u riklam pożittiv għall-futsal lokali biż-żewġ naħat li ssieltu għal kull ballun u rsistew sabiex jiksbu r-rebħa finali. Fl-aħħar mill-aħħar il-partita spiċċat fi dro meritat sabiex ftit kien hemm tibdil partikolari fil-klassifika.

Kienet logħba ta’ botta u risposta hekk kif kull meta skorjaw Swieqi, Valletta kienu kapaċi jirrispondu mal-ewwel.

Għat-tim mill-kapitali spikkaw Zvezdan Vukovic u George Frendo li skorjaw doppjetta kull wieħed filwaqt li awtogowl minn plejer ta’ Swieqi żied ieħor għalihom.

Swieqi kienu dejjem fil-partita u skorjaw permezz ta’ doppjetta ta’ Karl Sciortino u gowls oħrajn ta’ Eduardo Riano, Julian Pardo u Michael Borg.

Sadanittant iċ-champions Luxol ftit sabu diffikulta’ sabiex jegħlbu lil Żurrieq Futsal bl-iskor ta’ 11-0. Kif mistenni, it-tim minn St Andrews  iddominaw il-partita mill-bidu sal-aħħar bil-plejer Brażiljan Maicon jispikka hekk kif skorja erba’ gowls. Sadanittant Mark Zammit u Gia Nikhashvili skorjaw doppjetta filwaqt li Celino Alves, Carl Azzopardi u Matthew Attard niżżlu isimhom fil-lista tal-iskorers.

St Georges kisbu t-tielet rebħa staġjonali bi stil hekk kif ħasdu lill-Universita ta’ Malta u rebħulhom bl-iskor ta’ 3-2. It-tim mill-Kottonera lagħab logħba verament tajba fejn sal-ewwel taqsima kien diġa’ skorja żewġ gowls hekk kif Nazzareno Abela kien awtur ta’ doppjetta.

Fit-tieni taqsima, l-Universita’ wettqu reazzjoni u rnexxielhom jidħlu fil-logħba għalkemm fl-aħħar mill-aħħar kienu St Georges li skorjaw il-gowl deċiżiv.

Finalment Żurrieq Futsal pattew tat-telfa li kisbu kontra Luxol ftit tal-ġranet qabel meta għelbu lill-Ibraġġ bl-iskor ta’ 6-2. Din kienet rebħa importanti għalihom hekk kif qabżu lill-istess avversarji fil-klassifika.

Wara li ż-Żrieraq stabilixxew vantaġġ ta’ 2-1 sa tmiem l-ewwel taqsima, dawn tal-aħħar komplew fejn ħallew anke fl-20 minuta ta’ wara tant li skorjaw erba’ gowls oħra sabiex aċċertaw mir-rebħa finali.

Għal Żurrieq spikka Sean Vella Seisun li kien awtur ta’ hat-trick.

KLASSIFIKA:

Swieqi 28 (10), Luxol 25 (9), Valletta 23* (9), Mellieħa 18 (10), Ta’ Xbiex 15 (8), L-Universita ta’ Malta 15 (9), Naxxar Lions 13 (9), St Georges 10 (10), Żurrieq 6 (10), Ibraġġ 4 *(9), Marsaskala 1 (9), Qormi 0 (6)

*Għadhom qed jistennew ir-riżultat mill-bord tad-dixxiplina wara l-walkover ta’ Ibraġġ

Miktub minn...
robert busuttil
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. JIkkummenta l-logħob tal-Kampjonat Premier. Jippreżenta l-programm 'Wara d-90Minuta' fuq Radju Malta 2'