Formula 1
Futur inċert għal Giovinazzi … Mattia Binotto qed jittama li l-Alfa Romeo jżommu lis-sewwieq Taljan

Il-Ferrari jixtiequ li Alfa Romeo jżommu lis-sewwieq Antonio Giovinazzi għall-istaġun li ġej. S’issa t-tim Taljan għadu ma kkonfermax is-sewwieqa tiegħu għall-istaġun li ġej u l-kap tal-Ferrari Mattia Binotto qal li tkun ideali jekk Giovinazzi jibqa’ jsuq mal-Alfa Romeo fl-2022.

L-uniku sewwieq ikkonfermat tal-Alfa Romeo huwa Valtteri Bottas li ser itemm l-esperjenza minn mal-Mercedes fi tmiem dan l-istaġun. Dan kollu ser ikun possibbli wara li Kimi Raikkonen diġà ħabbar li ser jirtira fl-aħħar tellieqa tal-2021. Jidher li hemm min qed jispekula li Giovinazzi ser jitlef postu u jidħol minfloku Guanyu Zhou, inkella Theo Pourchaire.

F’kummenti li ta lill-midja, Binotto qal li bħala Ferrari jixtiequ li Giovinazzi jibqa’ jtellaq mal-Alfa Romeo, imma għamilha ċara li mhuma ser jagħmlu l-ebda pressjoni sabiex dan iseħħ. Antonio Giovinazzi huwa wieħed mis-sewwieqa ta’ riserva tal-Ferrari. Jekk kemm-il darba Giovinazzi jitwaqqaf milli jtellaq mal-Alfa Romeo fl-2022, allura wieħed irid jara x’ser ikun il-futur tiegħu għax jidher li fil-preżent m’hemm l-ebda vakanza f’xi tim ieħor.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA