Formula 1
George Russell jirbaħ il-kampjonat virtwali tal-Formula 1

Is-sewwieq tal-Williams George Russell rebaħ ir-raba’ tellieqa virtwali konsekuttiva tiegħu biex b’hekk rebaħ ukoll il-kampjonat li sar apposta matul il-pandemija tal-Covid-19. Din it-tellieqa kienet l-aħħar waħda qabel tliet ġimgħat oħra jibda l-istaġun proprju tal-Formula 1 fl-Awstrija.

Qabel ma bdiet it-tellieqa Russell kien diġà ċert li ser jirbaħ il-kampjonat għaliex Charles Leclerc ma pparteċipax u allura ma kien hemm l-ebda sewwieq li seta’ jisfidah għar-rebħ tat-titlu. Leclerc kien qed jieħu sehem fit-tellieqa virtwali ta’ Le Mans li saret ukoll matul il-ġurnata tal-Ħadd.

Fil-Grand Prix virtwali tal-Kanada kien Alex Albon tar-Red Bull li telaq mill-pole position, imma spiċċa maqbuż minn Russell matul it-tellieqa. Fit-tielet post daħal il-Messikan Esteban Gutierrez fuq Mercedes.

George Russell qed jittama li l-forma li wera fil-kampjonat virtwali jeħodha fuq iċ-ċirkwit għaliex l-istaġun li għadda kien wieħed diżappuntanti għalih meta spiċċa qas ġabar punt mit-tlielaq kollha.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA