Futbol lokali
GFA BOV Football League: Xewkija fit-tieni post u Għarb jiksbu t-tieni rebħa

Fi tmiem il-ġimgħa f’Għawdex, saru l-ewwel żewġ logħbiet mid-disa’ ġurnata tal-kampjonat BOV Gozo Football League tal-Ewwel Diviżjoni fejn Xewkija Tigers kisbu rebħa konvinċenti kontra Kerċem Ajax biex baqgħu fl-isfida mat-timijiet ta’ quddiem fil-klassifika.

Xewkija Tigers kisbu rebħa ta’ erbgħa bi tnejn kontra Kerċem Ajax biex laħqu lil Nadur Youngsters fit-tieni post tal-klassifika u baqgħu jittamaw li jidefendu t-titlu li rebħu l-istaġun li għadda.  Xewkija kellhom bidu tajjeb u fetħu l-iskor fid-9 minuta permezz ta’ konklużjoni ta’ Gennaro Hili.  Kerċem kellhom reazjoni tajba u wara li kisbu l-gowl ta’ draw fit-tmienja u għoxrin minuta permezz ta’ xutt lejn ir-rokna ta’ Alen Haska, huma dehru aktar aventurużi.  Iżda fl-aħjar fażi ta’ logħob għal Kerċem, Xewkija irnexielhom jiskurjaw żewġ gowls fi spazju ta’ ftit minuti.  Fis-sebgħa u tletin minuta Rodney Buttigieg reġa poġġa lil Xewkija fil-vantaġġ wara li ġie waħdu quddiem il-gowlkeeper, u tlett minuti wara Xewkija ngħataw penalty għal fowl ta’ Mario Mifsud fuq Gennaro Hili biex Thiago Melo Dos Santos kabbar il-vantaġġ bix-xutt mill-ispot kick.  Kerċem reġgħu daħlu fil-partita b’gowl li wasal fit-tieni minuta ta’ ħin miżjud qabel intemmet l-ewwel taqsima meta l-gowlkeeper ta’ Xewkija naqas milli jżomm devjazjoni ta’ Ognjen Rolovic wara korner ta’ Elton Vella u l-ballun spiċċa fix-xibka.  Il-logħba matul it-tieni taqsima kienet aktar interesanti fejn iż-żewġ naħat kellhom okkażjonijiet tajba ta’ skor.  Xewkija serħu rashom mit-tlett punti bir-raba gowl li wasal fit-tlieta u tmenin minuta meta r-referee ordna penalty għal fowl ta’ Jean Paul Mizzi fuq Shaun Bajada, li kien qed jirritorna ma’ Xewkija wara li kien beda l-istaġun bħakla plejer-kowċ ma’ Għajnsielem,  u Thiago Melo Dos Santos għeleb li gowlkeeper b’konklużjoni fil-baxx mill-ħdax-il metru.

Referee: Stefan Pace

F’konfront dirett miż-żona tar-relegation it-tim promoss ta’ Għarb Rangers ikkonfermaw il-wirijiet positivi li kellhom f’dan l-istaġun u rregistraw it-tieni rebħa konsekutiva fil-kampjonat biex bil-punti miksuba tbiegħdu mill-aħħar postijiet fil-klasifika.  Għarb dehru aktar motivati u fetħu l-iskor bis-sitt minuta permezz ta’ lob tad-debutant Marcelo Barbosa wara li kien żmarkat minn Moses Nwankwo.  Mal-ħin il-logħba bdiet issir aktar bilanċjata biż-żewġ timijiet ikollhom opportunitajiet ta’ skor u t-tnejn kienu sfortunati li kellhom tentativi li spiċċaw mal-lasti.  Għarb pratikament aċċertaw mir-rebħa bit-tieni gowl li wasal fid-disgħa u ħamsin minuta permezz ta’ konklużjoni mill-viċin ta’ Borja Polo Longarela.  Fil-ħames minuta ta’ ħin miżjud il-Wanderers kellhom lil Ajibade Adesina mkeċċi għal fowl ta’ ritaljazzjoni.

Referee: Daniel Portelli

 Il-logħob mid-disgħa ġurnata tal-kampjonat jitkompla fi tmien il-ġimgħa fejn jispikka l-konfront minn naħa ta’ fuq fil-klassifika bejn il-leaders Victoria Hotspurs u Nadur Youngsters.

Intant, wara l-logħbiet tal-Ħadd fil-klassifika tal-kampjonat BOV Gozo Football League tal-ewwel diviżjoni, Victoria Hotspurs jinsabu fl-ewwel post bi tnejn u għoxrin punt, Xewkija Tigers laħqu li Nadur Youngsters fit-tieni post b’wieħed u għoxrin punt kull wieħed, Kerċem Ajax baqgħu b’għaxar punti, Għarb Rangers telgħu fil-ħames post bi tmien punti, Għajnsielem sitta, Oratory Youths ħamsa u fl-aħħar post SK Victoria Wanderers b’erbgħa punti.  Victoria Hotspurs, Nadur Youngsters, Għajnsielem u Oratory Youths għandhom logħba anqas.

 

Klassifika GFA BOV Gozo Football League1st Division

                                    Lagħbu           Punti

Victoria Hotspurs                 8          22

Xewkija Tigers                      9          21

Nadur Youngsters               8          21

Kerċem Ajax                          9          10

Għarb Rangers                    9          8

Għajnsielem FC                   8          6

Oratory Youths                     8          5

SK Victoria Wanderers       9          4

Miktub minn...
Mark Attard
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirraporta l-football lokali u internazzjonali. Jippreżenta l-programmi UEFA Europa League Highlights u UEFA Champions League Highlights.
Aħbarijiet Oħra
Futbol lokali

Il-President ta’ Valletta FC Victor Sciriha żvela ma’ TVMSport li l-investituri mill-Emirati Għarab Magħquda ressqu proposta għal proġett li jkun jinvolvi stadium u kumpless sportiv bi spiża ta’ kwart ta’…

Futbol lokali

F’aħbar li għadha qiegħda tiżvolġi, Valletta FC jidhru li huma interessati fl-akkwist tal-ex-atleta Usain Bolt li bħalissa qiegħed jitħarreġ fl-Awstralja mat-tim tas-Central Coast Mariners. F’kummenti li l-President ta’ Valletta FC,…

Futbol lokali

Aħbar partikolari mill-Awstralja tista’ toħloq ċertu interess fil-futbol Malti, hekk kif kmieni dalgħodu, is-Sydney Daily Telegraph qiegħda tirrapporta lit-tim ta’ Valletta FC huma interessati fl-attakkant Usain Bolt li bħalissa qiegħed…

Aktar