Futbol lokali
GFA BOV Gozo Football League l-Ewwel Diviżjoni: Rebħiet għal Nadur u Victoria Hotspurs

Fi tmiem il-ġimgħa fil-Gozo Stadium saru żewġ logħbiet oħra mill-kampjonat BOV Gozo Football League tal-ewwel diviżjoni fejn iċ-champions Nadur Youngsters u l-isfidanti Victoria Hotspurs kisbu rebħa kull wieħed.

Nadur jibdew il-kampjonat b’rebħa

Nadur Youngsters F.C.: 3

Xagħra United F.C.: 0

Nadur Youngsters bdew jidfendu it-titlu ta’ champions li rebħu l-istaġun li għadda b’rebħa ta’ tlieta b’xejn kontra Xagħra United.  Ir-rebħa ta’ Nadur kienet meritata iżda wasslet biss b’gowls skurjati fl-aħħar għaxar minuti tal-p;artita.  Fl-ewwel parti tal-logħba Nadur kienu sfortunati billi f’żewġ okkażjonijiet kellhom tentativi li spiċċaw mal-minduda, filwaqt li l-gowlkeepr ta’ Nadur Steve Sultana kellu jwettaq tlett interventi diffiċli f’azzjonijiet separati biex ċaħħad lil Xagħra milli jmorru fil-vantaġġ.  Nadur fetħu l-iskor fil-wieħed u tmenin minuta b’konklużjoni bir-ras ta’ Gabriel Farrugia li kien daħal bħala sostitut minn azzjoni ta’ korner u l-istess attakant żagħżugħ irrdoppja b’konklużjoni mill-ewwel fis-sebgħa u tmenin minuta.  Minuta wara Nadur issiġillaw r-rebħa b’xutt fil-baxx ta’ Ederson Bruno Domingos li kien daħal waħdu fil-kaxxa.

Referee: Ezekiel Barbara

Victoria Hotspurs jirbħu d-derby

Victoria Hotspurs FC: 4

SK Victoria Wanderers: 1

Victoria Hotspurs kisbu t-tieni rebħa konsekutiva fil-kampjonat meta għelbu lil SK Victoria Wanderers bl-iskor ta’ erbgħa b’wieħed.  Victoria Hotspurs idominaw għal ħinijiet twal u aċċertaw mit-tlett punti b’żewġ gowls skurjati f’kull taqsima.  Victoria Hotspurs fetħu l-iskor fit-tmienja u għoxrin minuta minn penalty, ordnat mir-referee Glen Tonna għal hands ta’ Nicholas Vella, biex Rodrigo Ost Dos Santos għeleb lil gowlkeeper bix-xutt mill-ispot kick, u fit-tletin minuta l-Hotspurs irdupjaw b’xutt mill-viċin ta’ Shaun Attard wara li r-referee ħalla l-logħob għaddej għal fawl quddiem il-lasti fuq Christian Mercieca.  Victoria Wanderers setgħu naqsu l-iskor fis-sitta u ħamsin minuta meta ġew mogħtija penalty għal hands tad-difensur Daniel Farrugia iżda x-xutt mill-ħdax-il metru ta’ Audgustine James Obaje kien salvat b’saqajn il-gowlkeeper Daniel Spiteri.  Fit-tmienja u sittin minuta Victoria Hotspurs skurjaw it-tielet gowl meta Shaun Bajada ħa l-ballun minn indeċiżjoni tad-difiża u Christian Mercieca kkonkluda fil-lasti b’xutt bid-dawra.  Victoria Wanderers naqsu l-iskor fl-erbgħa u sebgħin minuta b’gowl ta’ Audgustine James Obaje iżda fis-sebgħa u sebgħin minuta Victoria Hotspurs skurjaw ir-raba’ gowl permezz ta’ Henrique De Souza Maciel wara li daħal fil-kaxxa b’azjoni personali.

Referee: Glen Tonna

B‘dawn ir-riżultati fil-klassifika tal-kampjonat BOV Gozo Football League tal-ewwel diviżjoni Victoria Hotspurs jinsabu fl-ewwel post b’sitt punti, Għajnsielem, Nadur Youngsters, Xewkija Tigers u Kerċem Ajax għandhom tlett punti kull wieħed Oratory Youths, SK Victoria Wanderers, Sannat Lions u Xagħra United għadhom mingħajr punt.  Victoria Hotspurs, SK Victoria Wanderers u Xagħra United għandhom logħba aktar.

Intant, fi tmiem il-ġimgħa f’Għawdex saru ukoll l-ewwel żewġ logħbiet mill-kampjonat BOV Gozo Football League tat-tieni diviżjoni fejn  Munxar Falcons kisbu rebħa ta’ sebgħa b’xejn kontra St Lawrence Spurs u Qala Saints dawwru telfa f’rebħa ta’ tlieta bi tnejn fil-logħba kontra Għarb Rangers.

 

Miktub minn...
TVM Sport
.