
Kmieni matul il-ġurnata tat-Tnejn, il-Prim Ministru Ġappuniż Shinzo Abe qal li l-posponiment tal-Olimpjadi 2020 hija possibilità. Dan wara jiem u ġimgħat fejn fihom l-istess Prim Ministru saħaq għal aktar minn darba li l-Olimpjadi kienu ser isiru xorta waħda bejn Lulju u Awwissu ta’ din is-sena. Shinzo Abe tkellem wara li l-Ħadd, il-Kumitat Olimpiku Internazzjonali qal li beda jiddiskuti b’aktar serjetà il-pjanijiet li l-Olimpjadi jiġu posposti. Kemm il-Prim Ministru Abe u anke l-Kumitat Olimpiku Internazzjonali ma jridux li l-Olimpjadi ma jsirux fl-enterità tagħhom, u allura dan ifisser li probabbilment ser ikollhom jipposponu jekk ma jridux jispiċċaw b’diversi atleti neqsin. Shinzo Abe qal li jekk kemm-il darba ser jaraw li se tkun diffiċli li l-logħob olimpiku jsir f’Lulju u Awwissu ta’ din is-sena, allura ma jifdal l-ebda għażla ħlief li jipposponu din l-edizzjoni. Abe sostna li l-Olimpjadi mhumiex ser jiġu kkanċellati, u dik mhijiex għażla li qiegħda tiġi diskussa.
Din hija l-ewwel darba li kemm Shinzo Abe u anke l-Kumitat Olimpiku Internazzjonali tkellmu fil-beraħ dwar il-posponiment tal-Olimpjadi. Fl-aħħar jiem, diversi atleti u pajjiżi ħeġġew lill-Ġappun sabiex jikkunsidra l-pożiżżjoni tiegħu dwar l-Olimpjadi, u kienu ħafna l-atleti li heddew li ma jersqux lejn Tokjo jekk il-logħob olimpiku jsir bejn Lulju u Awwissu ta’ din is-sena.