Għawm
Għawm – Numru ta’ Żgħażagħ Maltin jikkompetu fil-Kampjonati tal-Juniors Ewropej

Kontinġent ta’ żgħażagħ Maltin bħalissa qed jieħu sehem fil-Kampjonati tal-Juniors Ewropej, ospitati mil-LEN li qed isiru f’Ruma.

Il-kontinġent huwa ffurmat minn Thomas Woods, Luke Sullivan, Maya Galea, Sasha Gatt u Kristina Camenzuli. Il-kowċ nazzjonali Artem Goncharenko qiegħed imexxi liż-żgħażagħ Maltin bl-assistenza ta’ Catalin Stan u Roland Eskudt.

Matul il-ġurnata tal-Erbgħa kienu fl-azzjoni Kristina Camenzuli u Luke Sullivan. Tal-aħħar ħa sehem fil-100 metru freestyle fejn spiċċa fit-8 post fit-tieni heat meta għamel ħin ta’ 53.60 sekondi.

Kristina Camenzuli kkompetiet fil-200 metru butterfly u temmet fis-sitt post fl-ewwel heat, b’ħin ta’ 2 minuti, 25.87 sekondi.

Ilbieraħ daħal fl-azzjoni Thomas Woods li għam fl-ewwel heat tal-400 metru freestyle. Huwa għamel ħin ta 4 minuti, 14.67 sekondi. Huwa kien segwit minn Sasha Gatt li tellqet fir-raba’ heat tal-avveniment tat-800 metru freestyle u għamlet ħin ta’ 8 minuti, 56.76 sekondi.

Għada tidħol fl-azzjoni Maya Galea, fil-200 metru breaststroke.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA