Għawm
Għawma Sqallija – Malta: Neil Agius iktar minn nofs triq

Neil Agius qabeż il-marka tal-50km fit-tentattiv tiegħu li jaqsam bejn Sqallija u Malta bl-għawm.

L-għawwiem Malti ta’ 34 sena niżel il-baħar minn Punta Braccetto f’Ragusa ftit wara l-5 ta’ dalgħodu fil-bidu tal-għawma ta’ qrib il-100km għall-bajja ta’ San Ġiljan.

Jekk jirnexxielu f’din l-avventura epika, Neil isir biss it-tieni persuna li qatt għam id-distanza sħiħa bejn Sqallija u Malta wara Nicky Farrugia f’Lulju 1985. Dakinhar Nicky kien tela’ l-art il-Qbajjar Għawdex wara 30 siegħa u 17-il minuta fil-baħar.

Neil Agius qed jittanta jispiċċa l-għawma tiegħu f’madwar 35 siegħa u s’issa huwa rrappurtat li qed jagħmel progress tajjeb ħafna. Huwa kien oriġinarjament ippjanat li jasal il-pitch ta’ San Ġiljan għall-ħabta tal-5 t’għada wara nofsinhar.

Tista’ ssegwi l-pożizzjoni aġġornata kontinwament ta’ Neil hawnhekk  https://maps.findmespot.com/s/W5JL/Y3

Neil qed jagħmel din l-isfida personali bħala parti mill-kampanja Wave of Change kontra t-tfigħ tal-plastic fil-baħar.

Miktub minn...
Peter Cossai
Kap ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirraporta l-football lokali u internazzjonali. Jippreżenta l-programm 90 Minuta.
Aħbarijiet Oħra
Għawm

Għall-ħabta tad-9:15 ta’ dalgħodu Neil Agius tela’ l-art San Ġiljan wara għawma inkredibbli ta’ 100km minn Sqallija. Huwa niżel il-baħar minn Punta Braccetto f’Ragusa ftit wara l-5 tal-bieraħ filgħodu biex għamel…

Għawm

Neil Agius qiegħed litteralment jara l-ħolma tiegħu isseħħ. L-għawwiem Malti li niżel il-baħar minn Punta Braccetto f’Ragusa ftit wara l-5 tal-bieraħ filgħodu fit-tentattiv epiku li jgħum minn Sqallija għal Malta…

Għawm

L-għawwiem Malti Neil Agius illejla jinsab Sqallija biex mas-sbieħ għada filgħodu jitlaq fit-tentattiv tiegħu li jgħum għal Malta u jsir it-tieni bniedem li qatt irnexxielu f’din l-isfida epika. Neil għandu…

Aktar