Futbol lokali
Gianluca Atzori jinħatar kowċ ta’ Floriana

Il-klabb ta’ Floriana FC ħabbar li t-Taljan Gianluca Atzori nħatar kowċ tat-tim Furjaniż. Atzori huwa magħruf sew fil-futbol Taljan, kemm bħala eks-plejer professjonali fost oħrajn ta’ Torino, Empoli u Palermo kif ukoll bħala kowċ rispettat u ta’ esperjenza fost oħrajn ta’ Sampdoria, Spezia u anke Catania fi żmien meta l-klabb Taljan kien fis-Seria A.

Fi stqarrija li fiha ħabbar l-istaff tekniku ġdid, il-klabb Furjaniż qal li Atzori se jkollu bħala assistent u preparatur atletiku lil Carlo Simionato, li kellu karriera ta’ suċċess fl-atletika.

Atzori se jkun mgħejjun ukoll mill-analista tal-logħba tal-klabb Darren Vella li għall-aħħar żewġ staġuni diġà ħadem ma’ Floriana, wara esperjenzi ma’ Senglea, Żejtun u Balzan. Huwa se jkun responsabbli wkoll mit-team ta’ taħt id-19-il sena.

Il-proġett tekniku sħiħ ta’ Floriana se jitmexxa mid-Direttur Sportiv Nereo Omero, li se jkun inkarigat mit-tfassil ta’ metodoloġija ġdida ta’ formazzjoni professjonali tal-plejers kollha tal-klabb.

L-istqarrija ħabbret ukoll li Anthony Gafa se jkun it-team manager tal-iskwadra waqt li Florian Piscopo se jerġa’ jservi bħala kit manager għal ħames sensa konsekuttiva mgħejjun minn Clayton Galea.

Il-President ta’ Floriana F.C. Johann Said qal li dan l-istaff tekniku huwa frott ta’ ħidma li ilha għaddejja għal bosta ġimgħat.

“Ma ridniex sempliċement naħtru kowc li jmexxi lit-team fil-kampjonat imma ħadna deċiżjoni strateġika li ninvestu bil-qawwi fi proġett tekniku komplut li se jgħolli l-profil ta’ dan il-klabb glorjuż għall-miri ambizzjużi tas-snin li ġejjin”, temm jgħid Said.

Miktub minn...
Owen Galea