Futbol internazzjonali
Gianluigi Buffon: “Dan hu l-aħħar staġun tiegħi. Iċ-ċiklu tal-plejers ta’ Juventus ta’ dawn l-aħħar snin spiċċa”

Dan se jkun l-aħħar staġun ta’ Gianluigi Buffon ma’ Juventus.

Din l-aħbar taha hu stess f’intervista li ta illum ma’ Bein Sport.

Buffon qal li ċertament dan se jkun l-aħħar staġun tiegħu bħalha plejer ta’ Juventus u li wisq probabbli se jkun qed jieqaf mill-karriera ta’ plejer jew isib klabb żgħir fejn ikun jista’ jilgħab u jibqa’ jżomm il-futbol bħalha passatemp.

“Iċ-ċikli jispiċċaw ukoll. Għamilna disa’ snin mill-isbaħ. Iċ-ċiklu tagħna spiċċa wkoll,” qal Buffon.

Buffon qal li jaħseb li ta kull ma jaf għal Juventus f’dawn l-aħħar 22 sena.

Buffon ammetta li ċ-ċiklu tal-plejers ta’ żmienu ta’ Juventus spiċċa u li s-soċjetà trid tibda proġett ġdid ta’ plejers żgħażagħ kif kienu għamlu snin ilu meta kien għadu fil-bidu mal-klabb.

Buffon tkellem dwar dan l-istaġun u qal li t-tim naqas mill-kontinwità solità tiegħu.

Hu qal li meta t-tim kien konċentrat kontra l-aqwa timijiet rebaħ dejjem jew ġie draw iżda intilfu ħafna punti kontra t-timijiet iż-żgħar u dan hu biżżejjed biex wieħed jinduna li hemm bżonn bidla radikali fit-tim.

Buffon hu meqjus bħalha wieħed mill-aqwa gowlkipers fl-Istorja tal-futbol.

Miktub minn...
TVM Sport