Futbol internazzjonali
Gianni Infantino jħeġġeġ lill-Iran biex iħalli lin-nisa jidħlu fl-Istadiums

Il-President tal-FIFA Gianni Infantino għal darb’oħra reġa’ ħeġġeġ lill-Iran sabiex in-nisa jitħallew jidħol fl-istadiums sabiex isegwu l-futbol. Dan l-appell mingħand Infantino wasal ftit tal-jiem qabel mal-Iran jilqgħu f’darhom lill-Cambodia, u l-President tal-FIFA qiegħed jistenna żviluppi pożittivi f’dan ir-rigward. Filwaqt li nisa barranin għandhom aċċess limitat fl-istadiums Iranjani meta timijiet ta’ pajjiżi oħra jilagħbu fl-Iran, mhux l-istess jista’ jingħad għan-nisa tal-Iran li mir-Rivoluzzjoni Iżlamika tal-1979 ma tħallewx jersqu aktar fil-grawnds.

Gianni Infantino għadu qiegħed jittama li t-talbiet ripetittivi tal-FIFA fl-aħħar jiġu milqugħa mill-awtoritajiet Iranjani għaliex il-pożizzjoni tal-FIFA dejjem kienet u għadha waħda ċara. “In-nisa għandu jkollhom aċċess għall-istadiums fl-Iran. Issa huwa l-mument li fih jinbidlu l-affarijiet u l-FIFA qiegħda tistenna żviluppi pożittivi sa mill-ewwel logħba li l-Iran imisshom jilagħbu f’darhom f’Ottubru li ġej.”

S’issa l-Iran diġa’ kkwalifikaw ħames darbiet għall-edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja, u l-logħba tax-xahar id-dieħel kontra l-Cambodia ser tkun waħda ta’ kwalifikazzjoni għall-edizzjoni tal-Qatar 2022. Matul dan ix-xahar ta’ Settembru, ċertu Sahar Khodayari tilfet ħajjitha wara li qabbdet lilha nnifisha bin-nar, u dan bħala protesta għaliex kienet arrestata għax marret tara logħba l-grawnd. Khodayari li ġiet imlaqqma “The Blue Girl” għall-kuluri tat-tim favorit tagħha Esteghlal mietet l-isptar wara li qabbdet lilha nnifisha barra l-qorti wara li weħlet sitt xhur ħabs għaliex daħlet tara logħba liebsa ta’ raġel u nqabdet.

Il-mewt ta’ Khodayari qanqlet rabja kbira fost il-poplu Iranjan u anke fix-xena internazzjonali, tant li kien hemm diversi sejħiet lill-FIFA sabiex jissospendu lill-Iran mill-kompetizzjonijiet internazzjonali sakemm tiġi riżolta din is-sitwazzjoni. F’Novembru 2018 deher li forsi s-sitwazzjoni kienet ser tibda tirranġa ruħha meta grupp ta’ nisa Iranjani tħallew jidħlu jsegwu t-tieni leg tal-finali taċ-Champions League Asjatika li ntlagħbet f’Tehran. Biss it-tama li nibtet f’Novembru tas-sena li għaddiet malajr sfumat fix-xejn għaliex wara dik il-logħba n-nisa ma reġax kellhom aċċess sabiex jidħlu f’xi stadium jew ieħor.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA
Aħbarijiet Oħra
Futbol internazzjonali

Illejla tiġi fi tmiemha ġurnata oħra tal-fażi tal-gruppi għall-UEFA Euro 2020, fejn jerġa’ jidħol fl-azzjoni t-tim nazzjonali Malti, b’logħba away kontra l-Gżejjer Faroe. Il-logħob tal-lejla huwa dan: GRUPP D 20:45…

Futbol internazzjonali

L-attakant tas-Senegal u ta’ Liverpool Sadio Mané tkellem dwar l-għajnuna li qiegħed jagħti lil pajjiżu u pajjiżi oħra Afrikani. F’intervista li kellu mal-kamra tal-aħbarijiet NsemWoha.com, Mané saħaq li għalih mhuwiex…

Futbol internazzjonali

Għalkemm il-Portugall ħarġu telliefa kontra l-Ukrajna bl-iskor ta’ 2-1, f’logħba mill-gruppi ta’ kwalifikazzjoni għall-Euro 2020, xorta waħda kienet lejla memorabbli għal Cristiano Ronaldo li skorja s-700 gowl tal-karriera tiegħu. Fil-logħba…

Futbol internazzjonali

Il-logħba ta’ kwalifikazzjoni għall-Euro 2020 bejn il-Bulgarija u l-Ingilterra kienet imwaqqfa darbtejn mir-referee fl-ewwel taqsima, u dan bħala parti minn protokoll tal-UEFA sabiex jitwaqqfu l-abbużi razzisti fl-istadiums. Matul l-ewwel taqsima…

Aktar