Ġimgħa mimlija logħob u ħafna gowls fil-Futsal

RAPPORT STEPHEN AZZOPARDI

Din il-ġimgħa rega’ rritorna l-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni tal-Futsal, bi tliet partiti fil-bidu tal-ġimgħa u tlieta oħra s-Sibt waranofsinhar.

Qrendi fl-ewwel logħba tal-ġimgħa għelbu lil Mdina Knights bl-iskor ta’ 4-2. Fl-ewwel ħinijiet tal-partita kienu Qrendi li kellhom l-aktar pussess tal-ballun u fetħu l-iskor kmieni.

Wara għaxar minuti logħob il-captain Antonello Brincat fetaħ l-iskor għall-Qrendi.

Żewġ minuti wara kien Luke Zammit li minn pożizzjoni angulata ġie waħdu mal-gowlkiper Daniel Vella u għamilhom 2-0.

Minuta mit-tmiem tal-ewwel taqsima Mdina kellhom reazzjoni tajba ħafna tant li ġabu d-dro permezz ta’ doppjetta ta’ Shaun Deguara.

Wara l-ħin tal-mistrieħ, Qrendi ħarġu determinati li jirbħu din il-partita u skurjaw żewġ gowls oħra.

Għal darb’oħra kien Antonello Brincat li ġustament kien il-plejer tal-logħba li wettaq tripletta b’żewġ gowls oħra fis-27 u fid-29 minuta.

Partita oħra interessanti kienet dik bejn Naxxar u Msida. Kienu Msida li mill-ewwel fetħu l-iskor permezz ta’ Gary Zerafa.

Mill-ewwel kienet risposta Naxxarija permezz ta’ Bernard Sciberras li ġab id-dro. L-istess Sciberras kellu diversi ċansijiet li jiskurja u saħansitra minuta u nofs mit-tmiem tal-ewwel taqsima, laqat il-lasta.

Naxxar komplew iżidu fil-pass tagħhom u ħadu l-kontroll tal-partita bil-gowls li waslu minn doppjetta ta’ Roderick Attard u gowl kull wieħed għal Lydon Baldacchino u Andrea Farrugia.

Minn naħa l-oħra Msida baqgħu hemm u skurjaw żewġ gowls oħra permezz ta’ Salem Ben Halim u Ryan Xuereb.

Fl-aħħarnett Naxxar ġew mogħtija freeshot li mill-għaxar metri il-gowlkiper Misidjan salva parzjalment l-eżekuzzjoni ta’ Daniel Brincat u mir-rebound Ryan Mifsud għamel l-iskor finali 6-3 għal Naxxar Lions.

Rebħa oħra tajba għal Lija Athletic li żżomhom fl-ewwel post flimkien ma’ Mellieħa.

Lija ħadu r-raba’ rebħa minn erba’ partiti, meta għelbu lil Attard bl-iskor ta’ 5-1. Il-gowls ta’ Lija waslu minn doppjetta ta’ Aleksander Ribic u gowls għal Ryan Bugeja, Redeemer Borg u Jason Gauci. Attard naqsu l-iskor bl-uniku gowl tagħhom li wasal mingħand Kevin Loughborough.

Intant is-Sibt kellna tliet partiti oħra, fejn Mqabba għelbu lil Siggiewi bl-iskor ta’ 8-5, B’bugia ġew megħluba minn Sirens bl-iskor ta’ 4-1 u Luqa għelbu lil Qrendi 5-0.

Matul din il-ġimgħa wkoll erba’ logħbiet mill-kampjonat Premier fejn Luxol u Balzan komplew iżommu posthom f’ras il-klassifika.

Luxol għelbu lil Hamrun Spartans bl-iskor ta’ 6-2. Għal Luxol skurjaw Celino Alves, Tarek Ibrahim u doppjetti għal Florin Anton u William Barbosa. Il-gowls Ħamruniżi waslu mingħand Michael Spiteri u Rogeriod Dos Santos Filho.

Balzan batew mhux ftit meta għelbu lil Mosta bl-iskor ta’ 4-3. Wara ħames minuti Glenn Bonello fetaħ l-iskor għal Balzan. Iżda tliet minuti wara, f’temp ta’ erba’ minuti Mosta għamluhom 3-1, permezz ta’ Ryan Buhagiar, James Mangion u Timothy Gingell. Balzan mill-ewwel irripsondew u dawru telfa f’rebħa fl-istess l-ewwel taqsima b’gowls ta’ Boicho Marev, Marco Conti u għal darb’oħra Glenn Bonello.

Rebħa brillanti ta’ Valletta fuq Gzira bl-iskor ta’ 13-2. Għall-Beltin, il-protagonist prinċipali kien Denis Di Maio li skurja mhux anqas minn sitt

gowls. Valletta komplew ikabbru riżultat b’doppjetta ta’ Xavier Saliba, Cedric Sciberras, Brian Degura, awtogoel ta’ Aurelio Burgio, Bryan Deguara u Dexter O’Brien. Iż-żewġ gowls ta’ Gzira waslu minn Luke Stivala u Alessio Restuccia.

Fl-aħħarnett Swieqi United għelbu lil Qormi bl-iskor ta’ 6-4. Għal Swieqi kellna tripletta ta’ Zvezdan Vukovic u gowls għal Fredrik Johansson, Dario Zampa u Andrew Sammut Alessi.

Qormi naqsu l-iskor permezz ta’ Allen Medati, Juan Carlos Veira Peixoto u doppjetta ta’ Blendi Gockaj.

Ritratti Joe Borg.

Miktub minn...
TVM Sport
.