Futbol internazzjonali
Ġlied bejn il-partitarji ta’ Leicester City u Napoli kemm qabel u anke waqt il-logħba tal-UEFA Europa League

Ma kienx kollox ward u żahar fil-logħba tal-UEFA Europa League bejn Leicester City u Napoli matul il-ġurnata tal-Ħamis. Liecester City dehru resqin lejn rebħa fil-King Power Stadium wara li kellhom żewġ gowls vantaġġ, iżda Victor Osimhen skorja darbtejn għal Napoli biex għamel l-iskor indaqs fl-aħħar minuti tal-logħba.

Fl-ewforija u ċ-ċelebrazzjonijiet tat-tieni gowl, numru ta’ partitarji ta’ Napoli kellhom xi jgħidu mal-istewards u l-pulizija fl-istadium, kif ukoll ma’ numru ta’ partitarji ta’ Leicester City wara li ppruvaw jaqbżu għan-naħa opposta.

Fil-filmati jidhru l-partitarji taż-żewġ naħat jitgħajru ma’ xulxin, filwaqt li bdew jintefgħu numru t’oġġetti fid-direzzjoni opposta.

Aktar kmieni, qabel il-konfront, l-ultras ta’ Napoli kienu diġà ġew fl-idejn ma’ numru ta’ partitarji ta’ Leicester City barra l-università ta’ De Montfort.

S’issa għad ma kien hemm l-ebda kumment mill-UEFA li iżda probabbli twissi liż-żewġ timijiet apparti xi multi li tista’ tagħti.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA