Futbol internazzjonali
Ġlieda fil-Qorti bejn in-nisa ta’ Wayne Rooney u Jamie Vardy

In-nisa ta’ Wayne Rooney u Jamie Vardy bdew ġlieda kontra xulxin fil-Qorti, fi storja t’infedeltà, qerq u akkużi li qabdu l-attenzjoni tal-pubbliku Ingliż.

Rebekah Vardy qiegħda tfittex lill-ex ħabiba tagħha Coleen Rooney wara li akkużata li qed tiżvela stejjer personali mat-tabloid The Sun. Coleen Rooney akkużat lill-ex ħabiba tagħha permezz ta’ posts fuq Twitter u Instagram.

Fir-Renju Unit hemm grupp magħrufa bħala l-WAGs (Wives and Girlfriends), magħmul min-nisa u l-maħbubin tal-plejers Ingliżi, li jispiċċaw għall-iskrutinju tal-ġurnali daqskemm jispiċċaw żwieġhom jew il-partners tagħhom minħabba l-futbol.

Il-ġlied bejn in-nisa ta’ Wayne Rooney u Jamie Vardy beda fid-9 t’Ottubru tas-sena li għaddiet meta Coleen tefgħet post fuq Twitter u Instagram fejn spjegat li ġieha suspett dwar waħda minn sħabha u għalhekk fetħet investigazzjoni privata dwar il-każ. Rooney qalet li kienet imblukkat lill-ħbieb kollha tagħha milli jaraw l-Instagram tagħha, minbarra l-persuna li kellha suspett fiha, imbagħad tefgħet numru ta’ stejjer mhux veritieri fuq perjodu ta’ ħames xhur. Coleen Rooney qed tgħid li dawn l-istejjer spiċċaw kollha għand it-tabloid The Sun, u allura ma seta’ jkun ħadd ħlief Rebekah Vardy li kienet qed tgħaddi din l-informazzjoni. Skont Coleen Rooney, hija ħadet screenshots tal-istejjer kollha li kienet tellgħet fuq Twitter u Instagram u jidher ċar li l-uniku persuna li kienet rathom kienet Rebekah Vardy.

Coleen Rooney għandha 1.2 miljun segwaċi fuq Twitter, u 885,000 oħra fuq Instagram. Din l-istorja kienet irrappurtata mill-midja kollha Ingliża, avolja Rebekah Vardy ħarġet mal-ewwel tiċħad l-akkużi tal-ex ħabiba tagħha. Dakinhar li Rooney akkużat lil Vardy, tal-aħħar kienet fis-seba’ xahar tat-tqala tagħha, u dan wassal biex Rebekah bdiet tirċievi messaġġi ta’ theddid mingħand persuni li ma tafhomx.

L-istorja affettwat ukoll lir-raġel ta’ Rebekah, Jamie, li fl-istaġun li għadda kien mgħajjar diversi drabi waqt il-logħob ta’ Leicester City. L-avukat ta’ Rebekah Vardy, Hugh Tomlinson, fl-ewwel kummenti li għadda fil-Qorti lbieraħ, qal li għalkemm ħafna nies kienu qed jittrattaw dal-każ daqslikieku kien soap opera, mhux l-istess jista’ jingħad għall-klijenta tiegħu li tinsab imbarazzata b’dak li qiegħed iseħħ.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA