Futbol lokali
Gozo Football League: Nadur Y jirbħu dwell dirett

Nadur Youngsters favoriti aktar minn qatt qabel għall-ogħla unur fil-football Għawdxi dan l-istaġun wara rebħa kbira fuq l-eqreb sfidanti Xewkija Tigers li ħalliethom bi tmien punti vantaġġ f’ras il-klassifika tal-BOV Gozo Football League l-1 Diviżjoni b’seba’ logħbiet għat-tmiem. Fil-partita ta’ tmiem il-ġimgħa fil-Gozo Stadium Nadur għelbu lil Xewkija 5-0 b’goals skurjati kollha fl-ewwel taqsima minn Alberto Castano darbtejn, Marcelo Barbosa darbtejn ukoll, u Chris Camilleri.

Daqqa ta’ ħarta oħra intant għaċ-champions renjanti Victoria Hotspurs li ġarrbu l-ħames telfa kumplessiva u t-tieni waħda tal-istaġun ma’ Għajnsielem biex issa jinsabu maqtugħin b’erbatax-il punt mill-quċċata. Rabtin fil-vantaġġ minn Christian Mercieca iżda Għajnsielem ġabu d-draw minn Nedeljkovic minn rebound wara li kellu penalty salvat. Wara l-mistrieħ goals oħra minn Nedeljkovic u Michael Bezzina għal skor finali ta’ 3-1 għal Għajnsielem.

Fil-partiti l-oħra tal-erbatax-il ġurnata: rebħa ta’ 2-1 għal Kerċem Ajax fuq it-team tal-qiegħ Għarb Rangers: b’goals ta’ Jhon Sandobal Guarin u Andrea Muscat għall-Ajax: u b’autogoal ta’ Gabriel Muscat iġib id-draw temporanju għal Għarb.

U Xagħra United inqalgħu mill-aħħar post b’rebħa ta’ 2-0 fuq SK Victoria Wanderers biex laħquhom fil-klassifika. Għal Xagħra goals ta’ Luis Andre De Melo Lima u Joseph George Vella.

Fi tmiem it-tieni round b’hekk Nadur l-ewwel b’39 punt, warajhom Xewkija b’31, Victoria Hotspurs 25 Għajnsielem 24, Kerċem 19, Victoria Wanderers u Xagħra 10, Għarb 7 punti.

GOZO FOOTBALL LEAGUE – L-EWWEL DIVIŻJONI
Nadur Youngsters FC………… 39
Xewkija Tigers FC…………….. 31
Victoria Hotspurs FC …………25
Għajnsielem FC ………………..24
Kerċem Ajax FC ………………..19
SK Victoria Wanderers ………10
Xagħra United FC ……………..10
Għarb Rangers FC ……………..7

Miktub minn...
robert busuttil
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. JIkkummenta l-logħob tal-Kampjonat Premier. Jippreżenta l-programm 'Wara d-90Minuta' fuq Radju Malta 2'