Tennis
Grigor Dimitrov u Cameron Norrie ser jaffaċċjaw lil xulxin fl-Open t’Indian Wells wara li ssorprendew lill-avversarji tagħhom

Il-Bulgaru Grigor Dimitrov wettaq sorpriża oħra, din id-darba fil-kwartifinali tal-Open t’Indian Wells, meta għeleb lill-Pollakk Hubert Hurkacz li kien il-favorit li jgħaddi għas-semifinali.

Ġurnata wara li Dimitrov elimina lir-Russu Daniil Medvedev, il-Bulgaru kien fl-aqwa tiegħu biex ma ħafirx lil Hurkacz fi tliet sets. Il-Pollakk beda tajjeb tant li rebaħ l-ewwel sett 6-3, imma l-Bulgaru qam fuq tiegħu fit-tieni sett u rebħu 6-4. Fit-tielet u l-aħħar sett Dimitrov kien ftit aħjar u rebħu 7-6.

B’hekk Dimitrov għadda għas-semifinali fejn issa ser jaffaċċja lill-Brittaniku Cameron Norrie.

Min-naħa tiegħu Norrie elimina lill-Arġentin Diego Schwartzman f’żewġ sets. F’ġurnata xejn tajba għall-Arġentin, huwa tilef 0-6, 2-6 biex b’hekk Norrie wasal sal-ewwel semifinali f’Masters 1000. Cameron Norrie kellu bżonn biss 73 minuta biex jelimina lil Schwartzman.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA