GSSE 2015 – Bronż oħra għal Malta fit-Table Tennis

Table tennis

Fl-aħħar ġurnata, it-tielet medalja tal-bronż għat-tfajliet ta’ Malta: mirbuħa did-darba minn Viktoria Lucenkova fil-kompetizzjoni tas-singles.

Lucenkova waslet sas-semifinali wara mixja pozittiva li ratha tirbaħ il-grupp tagħha u tegħleb lil Unika Quist ta’ Monaco fil-kwartifinali qabel kellha tbaxxi rasha għas-Seed Numru 1 Xiaoxin Yang ta’ Monaco wkoll 0-3 bil-punteġġi ta’ 11-5, 11-4, 11-8.

Yang baqgħet sejra biex ħadet id-deheb wara li għelbet lit-tieni seed Sarah de Nutte tal-Lussemburgu 3-0 fil-finali. Bilanċ finali ta’ tliet medalji għat-tabletennis: bil-bronż ta’ Lucenkova fis-singles jiżdied mat-tnejn l-oħra li rebħet f’koppja ma’ Jessica Pace fil-kompetizzjonijiet tat-timijiet u tad-doubles.

L-aħħar ġurnata ġabet l-ewwel rebħa tant mistennija għal Malta fil-beach volleyball: b’Alison Borg u Gertrude Zarb jegħlbu lill-koppja tal-Lussemburgu li bħalhom kienu għadhom bla rebħa 2-1.

It-tfajliet Maltin rebħu l-ewwel sett 21-18 imma t-tilfu t-tieni wieħed 21-13. Il-konfront mar għalhekk għat-tielet sett, b’Gertrude u Alison joħorġu rebbieħa 16-14 u jevitaw l-aħħar post.

Miktub minn...
Rodney Vassallo