Local Sports
GSSE Bilanċ pożittiv, seta’ kien aħjar. 13 mid-29 midalja mill-atletika u għawm

Is-17 -il edizzjoni tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-żgħar tal-Ewropa b’mod ġenerali taw sodisfazzjoni lill-publiku Sportiv Malti u lill-Amministrazzjoni tal-Kumitat Olimpiku Malti. Għalkemm bħal kull edizzjoni jkun hemm xi diżappunti meta wieħed iqies kollox il-bilanċ kien wieħed pożittiv.

It-total ta’ 29 midalja mirbuħa mill-atleti Maltin ifisser li Malta kisbet żewġ midalji inqas mill-aħħar edizzjoni tas-sena 2015 li kienet saret l-Iżlanda. Ir-rekord assolut ta’ midalji mirbuħa jibqa’ dak tas-sena 2003 meta dik l-edizzjoni kienet saret f’Malta meta pajjiżna kien rebaħ xejn inqas minn 43 midalja.

Minn 29 midalja mirbuħa f’San Marino kienu biss 4 tad-deheb bil-kumplament ikunu 9 ta’ Fidda u 16 tal-Bronż. Il-midalji kollha ġew mid-dixxiplini sportivi tat-Tennis, Sparar, Raffa, Table Tennis, Basketball, Atletika, Għawm, Ċikliżmu u Judo. L-uniċi sport li Malta kkompetiet fihom u ħarġet b’idha f’idha kienu fil-Volleyball, il-Beach Volley u l-iSparar bil-qaws.

Bla ebda budju ta’ xejn l-ikbar suċċess kien fil-Basketball li bit-team nazzjonali tan-Nisa f’turnew bejn erba’ teams Malta rebħet it-tliet logħbiet tagħha u meritatament rebħet il-midalja tad-deheb. Suċċess ukoll fl-Isparar mil-midalja tal-deheb ta’ Gianluca Chetcuti fid-Double Trap, biż-żewġ midalji tad-deheb l-oħra mirbuħa minn Charlotte Wingfield fl-atletika fil-100m u fil-200m.
Il-Midalji ġew min dawn id-dixxiplini: Għawm 7, Atletika 6, Tennis 5, Sparar 4, Raffa 2, Ċikliżu 2, Table Tennis 1, Basketball 1 u Judo 1.

Mil-lat individwali appart t-tnejn deheb ta’ Wingfleld spikkaw il-wirjiet pożittivi tal-għawwiem Andrew Chetcuti li ġabar xejn inqas minn erba’ midalji tnejn idividwali u tnejn fir-relays ma’ sħabu u Elaine Genovese waħda personali, waħda fil-mixed u oħra fid-doubles.

Total ta’ 29 midalji li faċilment setgħu kienu 31 li kienu ma konniex sfortunati fi tliet kompetizzjonijiet fosthom fid-Double Trap fejn William Chetcuti seta’ għamilha mal-aħħar 3 tiraturi u kien iżid midalja għal Malta, fit-Time Trial tan-nisa meta Michelle Vella Wood kieent biss 5 sekondi ‘l bogħod mill-podju u fl-10,000 metru meta Charlton Debono kkrolla mal-art meta kien jonqos biss 400 metru għat-tmiem u kien fit-tielet post.

L-Edizzjoni li jmiss tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-żgħar tal-Ewropa se jsiru l-Montenegro fis-sena 2019.

Ritratt: Christine Borg

 

Miktub minn...
TVM Sport
.